Lokali Saħħa

Kristina Chetcuti bi proposti kif nistgħu niġġieldu l-vjolenza domestika

Kristina Chetcuti fl-attivita' tal-MNPN
Krsitina Chetcuti tressaq proposti fuq tliet fronti biex bħala indiviwi, bħala awtoritajiet u bħala MNPN - niddefendu lin-nisa vittmi tal-vjolenza domestika.

“Nisa li qegħdin f’sitwazzjoni ta’ abbuż domestiku, jibżgħu jitkellmu. Iżda mhumiex huma biss il-vittmi, imma l-familja kollha. U l-ġerħa tibqa’ hemm għal ġenerazzjonijiet ħafna wara, u tmarrad is-soċjeta’. Huwa d-dmir tagħna lkoll li niġġielduha u nibqgħu niġġieldu sakemm neqirduha” – kliem Kristina Chetcuti, is-sieħba tal-Kap tal-Partit Nazzjnalista Simon Busuttil waqt attivita’ organizzata mill-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista.

Fl-attivita’ li ġiet organizzata fil-binja tal-AŻAD fil-Belt Valletta, ġiet diskussa t-tema tal-vjolenza domestika u r-realta’ li numru ta’ nisa jaffaċċjaw ta’ kuljum ġewwa djarhom. Għal din id-diskussjoni ħadu sehem numru ta’ kelliema, fejn fost dawn spikka l-intervent ta’ Kristina Chetcuti li proponiet diversi riformi li hemm bżonn li jsiru immedjatament sabiex nipproteġu lin-nisa li jinsabu maqbudin ġewwa darhom minħabba vjolenza fiżika u psikoloġika. Kristina Chetcuti kompliet: “Ngħinuhom billi nfakkru lill-vittmi tal-vjolenza domestika li le ma ħaqqhomx jiġu abbużati”

Iżda l-vjolenza domestika fuq in-nisa mhux biss tħalli effetti negattivi fuq il-vittmi, imma wkoll it-tfal fir-relazzjoni fejn hemm abbuż isofru, minħabba dak li jaraw iseħħ ġewwa darhom għaliex dawn jikbru fit-terrur.

Kristina Chetcuti qalet li fil-ġurnata tal-llum rridu nkunu proattivi. Irridu niġġieldu l-vjolenza domestika fuq tliet fronti u manjiri: bħala individwi, bħala awtoritajiet u bħala Moviment Nisa Partit Nazzjonalista.

Waqt id-diskors tagħha Kristina Chetcuti stqarret li hi inkwetanti kif fl-esperjenza li għandha fil-karriera ġurnalistika, f’eżerċizzju li għamlet skopriet li l-media rrapurtat tal-inqas 3 każijiet ta’ vjolenza domestika fix-xahar matul l-2016. Hi kompliet billi resqet ħames proposti lill-awtoritajiet Maltin rigward dan is-suġġett. L-ewwel li hi problema kbira kif waqt il-proċeduri fil-Qorti, l-ambjent tal-Qrati tagħna ma huwiex prattiku għall-vittmi. Sal-llum il-ġurnata, il-vittma tal-abbuż trid tistenna quddiem l-awla tal-Qorti bil-qiegħda ħdejn l-aggressur. Kristina Chetcuti qalet li din ma hijiex aċċettabli. Kompliet, li anke t-tul tal-proċeduri u l-allokazzjoni tas-sapport finanzjarju mill-Qrati tal-familja huma ta’ frustrazzjoni u piż kbir fuq il-vittmi tal-vjolenza domestika. Ir-raba’ proposta hi dik li tiġi ordnata mill-Qorti li l-aggressur ikollu jfittex għall-għajnuna biex jirriforma ruħu u jbiddel l-atteġjament tiegħu. L-aħħar u l-aktar introduzzjoni importanti li Kristina Chetcuti proponiet hi l-introduzzjoni ta’ Family Liason Officers li dawn xogħolhom ikun li jagħtu l-ewwel għajnuna lill-vittmi u jiżguraw li huma u l-familji tagħhom huma trattati b’dinjita’ u effiċjenza. Dawn il-Family Liason Officers, stqarret Kristina, huma komuni fl-għasses madwar id-dinja.

Għal din il-laqgħa organizzata mill-MNPN, attenda wkoll il-Kelliem għad-Drittijiet taċ-Ċittadin Clyde Puli, fejn stqarr li hemm bżonn ta’ pjanijiet abbażi short term u anke pjanijiet għat-tul biex jindirizzaw din il-problema ta’ vjolenza domestika f’Malta. Ipparteċipat ukoll fl-attivita’ l-kandidata Alessia Psaila Zammit li qalet li din il-pjaga silenzjuża tas-soċjeta’ hi realta’ fid-djar u l-familji Maltin – u huwa d-dmir tar-rappreżentati tal-poplu li jitkellmu għal dawn in-nisa bla vuċi.

Waqt din l-attivita’ intwera video ukoll tal-messaġġ tal-Membru Ewroparlamentari Roberta Metsola li indirizzat it-tema ta’ Jum il-Mara li kienet qed tiġi diskussa. Roberta Metsola qalet li Malta għandha stima lejn in-nisa hekk kif 4 minn 6 MEPs f’isem Malta huma nisa, u anke l-fatt li s-Shadow Cabinet maħtur minn Simon Busuttil hemm rappreżentaza proporzjonata tan-nisa.

L-MNPN stieden ukoll żewġ esperti fis-suġġett tal-vjolenza domestika, lill-Kummissarju għas-Saħħa Mentali John Cachia u lill-Avukat Romina Bartolo li tispeċjalizza fid-drittijiet tal-bniedem. John Cachia qal li l-vjolenza domestika hi magħmula minn ċirku vizzjuż, u li hemm bżonn li jsiru mhux biss sanzjonijiet aktar ħorox, iżda propona li jsiru ċentri ta’ riabilitazzjoni għan-nisa abbużati, għat-tfal fir-relazzjoni, u anke għall-attur tal-att abbużiv. Minn naħa tagħha, Romina Bartolo qalet li qabel ma tindirizza l-azzjoni tal-abbuż, trid tibda billi tipprevjeni u teduka lit-tfal minn eta’ żgħira.