Il-qawwiet tal-Gvern tal-Iraq qalu li sabu qabar tal-massa, bil-fdalijiet ta’ madwar 500 vittma, ġo kumpless ta’ ħabs fil-limiti ta’ Mosul.
Kelliema għall-paramilitari Iraqqin Xiti qalu li l-maqtula fil-ħabs ta’ Badoush kienu ‘priġunieri ċivili’ li spiċċaw f’idejn it-terroristi tal-ISIS.
Dan meta hu allegat li l-ISIS qatlu, almenu, 600 priġunier – fil-parti kbira tagħhom Musulmani Xiti – meta t-terroristi kienu ħatfu l-belt prinċipali ta’ Mosul, fl-2014. Intant, il-ħabs ta’ Badoush mill-ġdid jinsab taħt il-kontroll tal-militar Iraqi li daħal f’dik iz-zona ftit tal-jiem ilu.
Il-paramilitari Iraqqin Xiti qalu, issa, li l-mijiet tal-vittmi fil-qabar tal-massa ‘huma r-riżultat tal-esekuzzjonijiet li saru mill-ISIS waqt l-ewwel fażi tal-okkupazzjoni ta’ Mosul mit-terroristi’. Il-ħabs ta’ Badoush kien spiċċa f’idejn l-ISIS f’Ġunju tal-2014 u jidher li l-priġunieri Xiti kienu ‘mira speċjali għall-esekuzzjonijiet’.
Fil-preżent, l-Armata tal-Iraq u l-alleati qed iwettqu offensiva fuq iz-zoni lejn il-Punent ta’ Mosul bħala parti minn azzjoni militari anti-ISIS li ilha għaddejja minn Ottubru. Dan wara li n-naħat ta’ Mosul lejn il-Lvant kienu liberati mit-terroristi fil-bidu tas-sena.
//= $special ?>