Lokali Qorti

Mistenni appell minn sentenza dwar inċident fatali

Net News hu nfurmat li kemm il-Pulizija kif ukoll il-familjari ta’ Rosianne Azzopardi – il-vittma – daħħlu nota għal appell mis-sentenza mogħtija mill-Maġistrat Antonio Micallef Trigona. Dan kien ikkonfermat minn sorsi kemm fil-Korp tal-Pulizija kif ukoll mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

L-Istat u l-familjari ta’ vittma ta’ inċident tat-traffiku mistennija jappellaw is-sentenza li ngħatat il-ġimgħa li għaddiet fil-konfront ta’ żagħżugħ li kien ikkaġuna inċident fatali.

F’sentenza mill-Qorti tal-Maġistrati fit-3 ta’ Marzu li għadda, Matthew Barbara ta’ 26 sena kien immultat €80 u kkundannat iservi 350 siegħa xogħol fil-komunita’ wara li nstab ħati li kkaġuna inċident tat-traffiku li ħasad il-ħajja ta’ omm ta’ tarbija ta’ sena. Sentenza li wasslet għal reazzjoni pubblika mqanqla u anki xi ġurnali kienu kkummentaw fl-editorjali tagħhom

Net News hu nfurmat li kemm il-Pulizija kif ukoll il-familjari ta’ Rosianne Azzopardi – il-vittma – daħħlu nota għal appell mis-sentenza mogħtija mill-Maġistrat Antonio Micallef Trigona. Dan kien ikkonfermat minn sorsi kemm fil-Korp tal-Pulizija kif ukoll mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali..

L-inċident kien seħħ f’Lulju tal-2010 fi Triq Houel fin-Naxxar meta l-ħati Matthew Barbara, li dakinhar kien għad kellu 18-il sena, kien qed isuq karozza tat-tip Mitsubishi Pajero u kien involut f’ħabta frontali ma’ karozza Toyota misjuqa minn Rosianne Azzopardi, omm ta’ tarbija ta’ sena. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-4.50a.m. Il-mara mietet mad-daqqa filwaqt li t-tarbija, li kienet abbord fil-vettura ma’ ommha, ma sofriet ebda ġrieħi.

Ir-rapport tal-perit tekniku – li kien ikkwotat fis-sentenza tal-Qorti – kien stabilixxa li Barbara kien għaddej b’veloċita’ ta’ 105km/s fi Triq Houel. Dan spiċċa biex tilef il-kontroll tal-vettura fil-liwja bil-konsegwenza li nqalbet u baqgħet titkaxkar sakemm baqgħet dieħla fit-Toyota misjuqa mill-vittma li kienet ġejja mid-direzzjoni opposta.

Il-Qorti kienet iddikjarat li jirriżulta b’mod lampanti li ż-żagħżugħ kien responsabbli għall-inċident. Irriżulta wkoll li Barbara kienet għadu kemm ġab il-liċenzja tas-sewqan ftit ġranet biss qabel l-inċident. “Sfortunatament għall-mara li mietet mal-ħabta, l-imputat ma għarafx li vettura, hi x’inhi, iżjed u iżjed ta’ cilindrata li kien qieghed isuq l-imputat, hija arma li trid timmaniġġja b’destrezza,” tenna l-Maġistrat Micallef Trigona fis-sentenza.

Madanakollu, il-Qorti kienet qieset li sentenza ta’ priġunerija mhux adatta f’dawn iċ-ċirkostanzi. Minbarra l-multa ta’ €80 u t-350 siegħa xogħol fil-komunita’, il-Qorti kienet ordnat ukoll il-konfiska tal-vettura u s-sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan ta’ Matthew Barbara għal tliet xhur.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Elton Taliana. L-Avukat Giannella De Marco qed tidher parte civile għall-familjari tal-vittma.