“Aħna qegħdin hawn niċċelebraw li aħna nisa – li nafu ngawdu meta hu l-waqt u nagħtu sehmna fid-dinja tax-xogħol u d-dar ukoll” – kienu dawn il-kummenti ta’ bosta nisa li ltaqgħu fil-Belt Valletta f’mixja u ċelebrazzjoni għall-attivita ‘Women for Change’.
Kienu ħafna dawk in-nisa li għal ħabta tas-sagħtejn u nofs ta’ waranofsinhar inġabru quddiem il-bini tal-Parlament fil-Belt Valletta fejn flimkien imxew tul Strada Rjali kollha sa’ Pjazza San Ġorġ. Fost il-parteċipanti f’din l-attivita’ kien hemm Kristina Chetcuti.
Net News mar f’din il-mixja ta’ ċelebrazzjoni, fejn ħadna r-reazzjonijiet ta’ wħud minn dawk li kienu preżenti – iżda mhux nisa biss kien hemm f’din il mixja għal ‘Women for Change’. Filfatt Net News tkellem ma’ raġel li ingħaqad mal-protesti fejn stqarr li niżel jimxi f’din l-attivita’ għax jemmen li llum il-ġurnata ma jistax ikun li f’pajjiżna hawn nisa li jitħallsu paga inqas għax huma nisa.
Il-mixja waslet sa’ quddiem il-Palazz fi pjazza San Ġorġ fejn minn hemmhekk saru diversi attivitajiet fil-pjazza; fosthom drama, kant, u diskussjoni kollha marbutin mat-tema. Għal din l-attivita’ attendiet ukoll il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca. L-attivita’ tal-‘Women for Change’ ġiet organizzata minn Womens’ Rights Foundation.
//= $special ?>