Internazzjonali

In-Nazzjonijiet Uniti twissi dwar kriżi umanitarja għad-dinja

In-Nazzjonijiet Uniti qed titlob biex l-awtoritajiet internazzjonali jevitaw sitwazzjoni katastrofika meta d-dinja, fil-preżent, qed tiffaċċja l-akbar kriżi umanitarja mill-1945 ‘il hawn.

Stephen O’Brien, li hu l-Uffiċjal ewlieni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-impenji umanitarji, qal li aktar minn 20 miljun persuna qed jissugraw li jmutu bil-ġuh f’erba’ pajjiżi partikulari li huma l-Jemen, is-Somalja, is-Sudan t’Isfel u n-Niġerja. Sadanittant, l-entità UNICEF diġà wissiet li sa 1.4 miljuni tat-tfal jistgħu jitilfu ħajjithom minħabba l-ġuh, din is-sena.

O’Brien kompla li sa Lulju li ġej jinħtieġ ammont ekwivalenti għal 4.4 biljun dollaru biex jevitaw diżastru uman. O’Brien, li kien qed ikellem lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijeit Uniti, wissa li d-dinja qed tiffaċċja punt kritiku fl-istorja tagħha meta kibret il-ħtieġa għal sforzi koordinati u kollettivi biex jikkontrollaw kriżi tal-ġuh li affettwat il-miljuni fuq livell globali. Stephen O’Brien għamilha ċara wkoll li mingħajr dawn l-isforzi, ammonti kbar ta’ nies sempliċiment se jmutu bil-ġuh waqt li ħafna oħrajn jispiċċaw isofru u jmutu b’konsegwenza ta’ mard