Futbol Sport

Tony Pulis jgħid li West Brom interessati f’John Terry

Tony Pulis interessat fl-akkwist ta' John Terry

Il-manager ta’ West Bromwich Albion Tony Pulis żvela li t-tim tiegħu jista’ jagħmlu moviment għal captain ta’ Chelsea John Terry, jekk id-difensur ikun bla klabb fis-sajf.

F’dan l-istaġun, Terry lagħab biss ħames partiti fil-Premier League, bil-manager Antonio Conte jipposponi d-deċiżjoni fuq il-futur tal-captain sa tmiem l-istaġun meta l-kuntratt tad-difensur ta’ 36 sena jkun skada.

Skont Pulis, West Brom saqsew għad-disponibbiltà ta’ Terry f’Jannar, u l-klabb se jibqa’ jħares is-sitwazzjoni tal-eks internazzjonali Ingliż fi Stamford Bridge. “Dejjem ħsibt li hu plejer tajjeb. F’Jannar kien biss biex naraw x’inhi s-sitwazzjoni u imbagħad kienet jekk immorrux għal trasferiment jew le. Kien hemm aktar minn plejer wieħed li staqsejna għalihom f’Jannar. Intom semmejtu lil John, imma probabilment kien hemm tlieta jew erba’ plejers oħra li staqsejna għalihom,” qal Pulis fil-konferenza stampa qabel il-logħba kontra Everton.

Hu kompla jgħid li ma kien hemm l-ebda talba u kienet biss biex jaraw is-sitwazzjoni x’kienet, u s-sitwazzjoni kienet li Terry ried jibqa’ ma’ Chelsea. Pulis żied jgħid li jaħseb li Terry xtaq li jibqa’ biex jitlaq bħala rebbieħ.

Jekk Terry jingħaqad ma’ West Brom fis-sajf, jifforma parti minn difiża ċentrali ta’ esperjenza flimkien ma’ Gareth McAuley. Id-difensur ta’ 37 sena hu l-ixjaħ plejer fil-Premier League u Pulis diġà ammetta li t-tim tiegħu jinsab viċin li jġedded il-kuntratt tiegħu.

Meta mistoqsi jekk Terry jidħolx tajjeb ma’ West Browm, Pulis qal; “Dak għas-sajf mhux għalissa, u jekk is-sitwazzjoni tinbidilx, u jekk ikunx hemm nies oħra involuti jew jiffirmax kuntratt ġdid ma’ Chelsea. Irridu nistennew u naraw.”