Sport Sport Ieħor

Aloysians jibqgħu b’punti massimi

Azzjoni mil-logħba bejn Aloysians u Kavallieri

Is-Sibt tkompla l-kampjonat tal-ewwel Diviżjoni bi tliet logħbiet; La Salle vs Luxol, HMS vs Swieqi Phoenix u Aloysians vs Kavallieri. Fl-ewwel partita tal-irġiel Luxol għelbu lil La Salle 26-25, f’logħba missielta fejn iż-żewġ timijiet kienu daħlu jistrieħu fi draw ta’ 13-13.

F’din il-logħba, tkeċċew tliet plejers b’Michael Tanti u Boris Volas jitkeċċew għal Luxol filwaqt li Ronaldo Camilleri Darmanin tkeċċa għal La Salle. Il-plejer ta’ Luxol Joe Tanti ġie magħżul bħala l-aħjar plejer tal-logħba, f’konfront ikkontrollata minn Stefan Desira u Matthew Mamo.

Fit-tieni logħba tal-ġurnata, Swieqi Phoenix għelbu lil HMS 30-16, bi prestazzjoni tajba fit-tieni taqsima, wara li kienu daħlu jistrieħu b’distakk ta’ tliet gowls. Christian Oschleger ta’ Phoenix ġie ivvutat l-aħjar plejer tal-logħba. Ir-referees kienu Steve Cilia u Daniel Tanti.

Fl-aħħar logħba tal-ġurnata, Aloysians għelbu lil Kavallieri 32-28, b’Aloysians iwettqu rimonta tajba wara li Kavallieri kienu daħlu jistrieħu 17-15. Marko Mihajlovic intgħażel il-plejer tal-logħba, filwaqt li ż-żewġ uffiċjali kienu Michael Tanti u Steve Cilia.

Mill-kampjonat tat-tieni diviżjoni tan-nisa, Phoenix għelbu lil Kavallieri 22-20, b’Phoenix jidħlu jistrieħu tliet gowls minn fuq. Il-gowlkiper ta’ Phoenix Denise Busuttil rebħet il-plejer tal-logħba. Matthew Mamo kien ir-referee tal-logħba.

L-aqwa skorers

Chris Magro (La Salle)            68 gowl

Boris Volas (Luxol)                 47 gowl

Christian McLean (Kavallieri) 47 gowl