Sport Sport Ieħor

Brian Cini u Isaac Borg eliminati mill-Kampjonat Ewropew ta’ taħt il-21 sena

Mix-xellug: Brian Cini u Isaac Borg

 

Brian Cini u Isaac Borg li qed jieħdu sehem fil-Kampjonat Ewropew tas-Snooker ta’ taħt il-21 sena sfaw eliminati, fit-tournament li qed jintlagħab f’Nicosia. Isaac Borg ġie eliminat il-Ġimgħa filgħaxija fl-istadju tal-gruppi meta fil-logħba deċiżiva kontra Ben Sharif tal-Iżvezja tilef bl-iskor ta’ 3-2. B’hekk kien il-plejer Żvediż li kkwalifika għall-fażi finali.

Brian Cini spiċċa l-logħob tiegħu fil-grupp bi tliet rebħiet minn erbgħa logħbiet biex klassifika fit-tieni post fil-grupp u kkwalifika mal-aħħar 54. F’dan ir-rawnd, huwa ltaqa’ kontra l-plejer Franċiż Nicolas Mortreux fejn ħareġ rebbieħ bl-iskor ta’ 4-0.

Fl-aħħar 32, Cini lagħab kontra l-plejer Ingliż Lewis Gillen u f’loghba eċċitanti hu ħareġ rebbieħ bl-iskor ta’ 4-3, logħba li ġiet deċiża fuq il-boċċa s-sewda biex għadda mal-aħħar 16. Hawnhekk huwa ltaqa’ kontra ċ-Champion Ewropew il-ġdid ta’ taħt it-18-il sena Jackson Page ta’ Wales b’dan tal-aħħar joħroġ rebbieħ 4-0.

Intant erba’ plejers oħra Maltin, illum ħallew Malta biex jingħaqdu ma’ Brian Cini u mil-lum jibdew jieħdu sehem fil-Kampjonat Ewropew tas-Snooker li ser jintlagħab fl-istess post f’Nicosia.

Dan il-Kampjonat jibda għada u jibqa’ sejjer sa nhar il-Ħadd li ġej u fih se jieħdu sehem 116-il plejer minn 35 pajjiż Ewropew bir-rebbieħ jirbaħ id-dritt biex għas-sentejn li ġejjin, jieħu sehem fil-Main Tour għall-plejers professjonali organizzat mill-World Snooker Association.

Malta se tkun rappreżentata minn ħames plejers li huma ċ-Champion lokali Brian Cini, Duncan Bezzina, Aaron Busuttil, Jason Peplow u Joseph Casha.  Għal aktar informazzjoni dwar dawn il-Kampjonati (Livestreaming, Livescoring, klassifiki etc) tista’ tinkiseb minn fuq il-website tal-EBSA www.ebsa.tv.