Lokali

FILMAT: “Bejn dak li hu sewwa u dak li hu faċli – jien nagħżel dejjem dak li hu sewwa” – Simon Busuttil

“Bejn dak li hu sewwa u dak li hu faċli, jiena nagħżel dejjem dak li hu sewwa”. Dikjarazzjoni b’saħħitha mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta dalgħodu kien qed jindirizza attività politika f’Raħal Ġdid.

Matul id-diskors tiegħu, Simon Busuttil spjega li dak li seħħ din il-ġimgħa kien terremot politiku, fejn Simon Busuttil kellu għażla li ma jippubblikax l-SMS li rċieva bit-theddid u r-rikatt.

“Stajt nagħmel dak li hu faċli u nagħlaq ħalqi meta rċevejt SMS bit-theddid u r-rikatt” qal Simon Busuttil lill-folla kbira li attendiet fil-każin tal-Partit Nazzjonlista f’Raħal Ġdid. “Imma kieku għamilt hekk, stajt naqbad it-triq u nitlaq… għax din m’hijiex it-tip ta’ politika li rrid nagħmel jien” sostna Simon Busuttil li kompla jgħid li hu mhux lest li jiġi rikattat.

“Jien mhux qiegħed hawn biex nagħmel dak li hu l-aktar faċli, imma biex nagħmel dak li huwa sewwa. U bejn dak li hu faċli u dak li hu sewwa, nagħżel li nagħmel dak li hu sewwa” sostna Simon Busuttil.

Fid-diskors tiegħu, Simon Busuttil qal li minkejja d-donazzjonijiet li l-Partit Nazzjonalista rċieva, xejn ma żamm lill-Partit Nazzjonalista milli jitkellem kontra dak li hu ħażin. Kien hawnekk fejn fakkar li l-Partit Nazzjonalista talab lill-Awditur Ġenerali jinvestiga d-deal tal-ITS, li fih il-Gvern ta art lill-privat f’San Ġiljan għal €15-il miljun.

“L-art pubblika la hija ta’ Joseph Muscat u l-anqas ta’ Konrad Mizzi. L-art hija tal-poplu Malti u Għawdxi kollu, u ladarba l-Gvern mhux qed jiddefendi l-interessi tal-poplu, għandu jkun il-Partit Nazzjonalista li jiddefendi l-interessi tal-poplu” spjega Simon Busuttil.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista staqsa kemm ingħata flus il-Partit Laburista biex kien lest jagħti art imprezzabbli bi prezz baxx.

Simon Busuttil temm iwissi li l-attakki tal-Gvern mhumiex se jonqsu, anzi se jiżdiedu. “Però stennew li hekk kif jiżdiedu l-attakki, tissaħħaħ id-determinazzjoni tiegħi u tal-poplu Malti u Għawdxi biex ibiddel is-sistema politika darba għal dejjem billi jneħħi lill-aktar Gvern korrott fl-istorja” temm jgħid il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

L-attività politka kienet indirizzata wkoll mix-Shadow Minister Marthese Portelli li fid-diskors tagħha spjegat kif se jkun Simon Busuttil li jiddefendi l-interessi tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Marthese Portelli tindirizza l-attivita’ politika f’Raħal Ġdid

Filmat: Erġa’ segwi l-attività politika kollha ta’ Raħal Ġdid