Ix-xogħol siewi li qed twettaq il-Malta Football Association biex tagħti promozzjoni lill-futbol tan-nisa f’dan il-pajjż kien rikonoxxut mill-UEFA. L-impenn u l-investiment tal-MFA, grazzi anke għall-għajnuna finanzjarja li tingħata mill-UEFA, fl-aktar setturi importanti, bħall-edukazzjoni fil-kowċing, il-festivals tal-youths, u l-akkademja tal-elite għat-tfajliet, flimkien ma’ reklamar pożittiv għal-logħba tan-nisa, ġie magħżul bħala eżempju ta’ prattika mill-aqwa fir-rapport tal-UEFA Women’s Football Development.
Tim mid-Dipartiment tal-Media u l-Komunikazzjoni tal-UEFA, immexxija minn Elodie Masson, żaru Malta fi Frar biex jippreparaw servizz dwar l-iżvilupp tan-nisa fil-futbol.
It-tim tal-UEFA, li nkluda żewġ camerapersons professjonali, ġibdu s-sessjoni ta’ taħriġ tal-akkademja tat-taħriġ tal-MFA fil-grawnd tal-Imtarfa kif ukoll fil-festival ta’ taħt it-13-il sena fil-Għargħur.
“Il-proġetti tal-futbol għan-nisa jipproġġettaw immaġini pożittiva tal-logħba,” qal Dr Angelo Chetcuti, Segretarju Ġenerali tal-MFA, f’intervista mas-sit uefa.org. “Il-logħba tagħna trid tkun aktar aċċessibbli. L-appoġġ tal-UEFA hu kruċjali. Jgħina niffinanzjaw l-edukazzjoni fil-kowċing u l-akkademja tagħna, kif ukoll il-kompetizzjonijiet.”
Taħt it-titlu, ‘Boosting the women’s game in Malta’, ir-rapport speċjali dwar il-futbol tan-nisa f’Malta, b’filmat mill-isbaħ, ittella’ bħala l-istorja prinċipali fuq is-sit www.uefa.org iktar kmieni din il-ġimgħa, ukoll biex jikkumplimenta Jum il-Mara. Martina, tfajla ta’ 12-il sena, tkellmet dwar l-istorja tagħha u kif intgħażlet biex tifforma parti mill-akkademja tat-tfajliet, flimkien ma’ 50 plejer ta’ età żgħira li jitħarrġu kull ġimgħa.
“Is-sajf li għadda kellna summer camp organizzat mill-MFA women’s national academy. Kelli l-provi u ntagħżilt mill-kowċis tagħna, u kien hemmhekk fejn bdejt il-karriera tiegħi ta’ futboler.”
Martina kompliet: “Il-futbol jgħini nkun aktar kunfidenti għax juri li aħna kapaċi daqs l-irġiel, u li m’hemmx differenzi.”
//= $special ?>