Grupp ta’ żgħażagħ Maltin li fl-aħħar ġimgħat telgħu jwettqu xogħol volontarju fl-Indja spiċċaw fuq gazzetta ewlenija hekk kif kienu qed jiċċelebraw il-Holi, is-sena l-ġdida tal-Hindu qalb festa ta’ kuluri.
Net News tkellem ma’ dawn iż-żgħażagħ fejn spjegaw li bdew din il-missjoni tlett ġimgħat ilu fejn ingħaqdu mal-NGO Right2Smile, bil-għan li jgħinu u jaqsmu ħinhom ma’ numru ta’ tfal kif ukoll jaħdmu mal-komunità Indjana.
F’wieħed mir-ritratti li ġew ippublikati fuq il-gazzetta, wieħed jista’ jilmaħ il-voluntiera jiżfnu ma’ tfajla ta’ 3 snin membru ta’ komunità fejn żfin għall-bniet mhux daqshekk mħeġġeġ. Għaldaqstant iż-żgħażagħ saħqu li mumenti bħal dawn huma ta’ għożża kbira, speċjalment għall-fatt li l-mument inqabad fuq lenti ta’ camera.
Dawn il-Maltin, li kienu lesti jħallu kollox warajhom għal 3 ġimgħat, irrakkuntaw kif ħadmu id f’id mal-pulizija u l-awtoritajiet l-oħra kkoncernati fiz-zona ta’ Bodh Gaya.
Huma saħqu li għalkemm l-idea in ġenerali hija li dawn it-tfal huma mdejqa minħabba xi ċirkostanza jew oħra, l-voluntiera sostnew li qatt ma jkunu jobsru li ser isibu lit-tfal b’kuntentizza li tiġbdek, fejn fi kliemhom, it-tbissima li jkollhom fuq fommhom tqanqalhom għal aktar ħidma.
Ix-xebbiet u ġuvintur insistew li dan il-proġett huwa wieħed li jibqa’ għaddej tul is-sena kollha, b’kollaborazzjoni ma’ organizzazzjoni Indjana fejn l-għan aħħari tal-voluntiera mhux biss huwa li jgħatu l-għajnuna lill-individwu iżda anke li jippromwovu fost oħrajn l-edukazzjoni qalb it-tfal fejn, permezz tat-talenti u l-kreattività li jħaddnu, iwaslu l-kontribut tagħhom.
//= $special ?>