Lokali

Konrad Mizzi jisfida lil-Laburisti ġenwini

Il-Ministru Konrad Mizzi
Il-mument tiżvela li hemm Laburisti li qed jiddikjaraw li mhumiex lesti li jivvutaw lil Konrad Mizzi fl-elezzjoni ġenerali. Dan minħabba l-iskandlu tal-kumpanija sigrieta fil-Panama u l-effett li dan l-iskandlu ħalla fuq il-Gvern

Id-dikjarazzjoni li għamel il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Konrad Mizzi, ġimagħtejn ilu, li huwa lest li jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss qed titqies li hija sfida diretta lil-Laburisti ġenwini.

Sorsi fil-Partit Laburista li tkellmu mal-gazzetta il-mument qalu li dawn il-Laburisti ilhom għal dawn l-aħħar xhur jagħmlu pressjoni fuq il-Prim Ministru Joseph Muscat u anki fi ħdan l-istrutturi tal-Partit Laburista biex Konrad Mizzi jitwarrab biex ma jerġax jikkontesta l-elezzjoni ġenerali f’isem il-Partit Laburista.

Il-Laburisti ġenwini, li jagħmlu ħafna distinzjoni minn dawk li jiddikjaraw lilhom infushom li “huma tal-moviment”, huma rrabjati għall-Ministru Konrad Mizzi minħabba l-involviment dirett tiegħu fl-iskandlu tal-‘Panama Papers’ permezz tat-twaqqif tal-kumpanija sigrieta Hearnville Inc. u kif dan il-każ li kien żvelat bħal dan iż-żmien sena “għamel ħafna ħsara lill-Partit Laburista u lill-Gvern”.

Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument qalu wkoll li l-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jdejh marbutin, u ma jista’ jieħu ebda azzjoni li tista’ tagħti l-ġenb lill-Ministru Konrad Mizzi. Huma żiedu li l-unika azzjoni li ħa l-Prim Ministru fl-isfond tal-iskandlu tal-‘Panama Papers’ kien li tah pożizzjoni aktar b’saħħitha milli kellu meta kien Ministru tal-Enerġija u tas-Saħħa.

Laburisti ġenwini jiddikjaraw li mhumiex se jivvutaw lil Konrad Mizzi

Sorsi fid-distrett ta’ Konrad Mizzi li tkellmu mal-gazzetta il-mument qalu li hemm Laburisti li qegħdin jiddikjaraw pubblikament li mhumiex lesti li jivvutaw lil Konrad Mizzi fl-elezzjoni ġenerali li jmiss. Dan minħabba l-mod kif huwa involut f’kumpanija sigrieta li nfetħet fil-Panama u l-effett li ħalla dan l-iskandlu fuq il-Gvern li ssarraf fi ħsara kbira. Laburisti f’dan id-distrett qegħdin isostnu li huma jivvutaw lil min tul il-leġiżlatura ra li jkun man-nies.

Is-sitwazzjoni f’dan id-distrett qed tbaqbaq sew fost il-Laburisti, tant li kienet indikattiv ħafna mid-Deputat Parlamentari Laburista Silvio Parnis. Fl-aħħar ġimgħat, Silvio Parnis approfitta mill-ħin tal-aġġornament fejn dak li stqarr kien qiegħed jirrifletti l-ilmenti u l-kritika ta’ Laburisti ġenwini. Tant li hu hekk, li l-parti l-kbira mid-diskors ibbażah fuq dan il-fattur. Hu beda d-diskors tiegħu b’mistoqsija: “Għaliex għażilt il-politika fil-ħajja tiegħi?” Bla tlaqliq hu ddikjara li xi kultant ma jintgħoġobx anke fl-istess partit li jħaddan għaliex il-politika għażilha biex iservi.

Silvio Parnis żied: “jien hawnhekk ma dħaltx biex nagħmel xi negozju… kieku rrid nagħmel negozju kont immur niftaħ aġenzija tal-bini u nagħmel negozju. Jiena għalija huma n-nies hemm barra u dan ngħidu b’kuxjenza… anke jekk dan id-diskors ma jintgħoġobx u jkun il-bidu tal-bieb ta’ barra għalija, mhi problema xejn għaliex f’ħajti s-suċċessi nagħmilhom fin-nies.”