Il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marcou d-Deputat Francis Zammit Dimech waqfu jagħmlu xogħol legali għas-Seabank fuq struzzjonijiet tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.
Simon Busuttil ikkonferma dan f’kummenti mal-gazzetta The Malta Independent on Sunday, li tirrapporta wkoll li kemm Mario de Marco kif ukoll Francis Zammit Dimech irrispettaw din l-istruzzjoni.
The Malta Independent ħadet ukoll kummenti ta’ Mario de Marco u ta’ Francis Zammit Dimech, fejn it-tnejn li huma saħqu li huma waqfu jagħmlu xogħol legali għas-Seabank fl-aħjar interess tal-Partit Nazzjonalista, li bħalissa qed iqajjem kritika dwar il-prezz li bih ingħatat l-art tal-ITS lill-privat.
Fil-kummenti tiegħu, Mario de Marco qal li hija ħasra li hemm min qed jipprova jagħti l-impressjoni li hemm xi kwistjoni bejnu bejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, xi ħaġa li mhijiex minnha. Dan kien ikkonfermat ukoll mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.
Min-naħa tiegħu, Francis Zammit Dimech qal li hu waqaf jagħmel xogħol legali għas-Seabank fl-isfond li jirrispetta l-interessi tal-Partit Nazzjonalista fuq kull kunsiderazzjoni oħra, għax il-lealtà tiegħu hija lejn il-Partit Nazzjonalista.
Fid-deal tal-ITS, il-Gvern ta din l-art għal €15-il miljun minkejja li tiswa ferm aktar. Dwar dan il-każ Simon Busuttil qal li hu mhux lest li jinxtara għax l-interess tal-Partit Nazzjonalista huwa l-interess tal-poplu Malti u Għawdxi.
//= $special ?>