Lokali

Rabta bejn l-isplużjonijiet f’Ħal Qormi u fl-Imsida

Il-karozza bomba fl-Imsida (20 ta' Frar 2017) li ħalliet lil Romeo Bone ferut serjament
L-investigaturi konvinti li hemm rabtiet bejn iż-żewġ spluzjonijiet u possibbilment anki ma' splużjonijiet oħrajn ta' tpattija li jista' jkun hemm moħbija wkoll l-idejn ta' eks-priġunieri li issa huma ħielsa imma xorta qed ifittxu ġustizzja

Minkejja li r-ritmu ta’ investigazzjoni dwar l-isplużjoni f’Ħal Qormi li qatlet lil Victor Calleja u l-isplużjoni fl-Imsida li ħalliet lil Romeo Bone ferut serjissimu naqsu ħafna, l-investigaturi għandhom indizji li juru li ż-żewġ splużjonijiet huma probabbilment relatati ma’ xulxin.

Sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-Pulizija din il-ġimgħa tkellmu mal-gazzetta il-mument u żvelaw li fil-kors tal-istħarriġ fiż-żewġ delitti ħarġu aspetti komuni għal xulxin u dan iwasslu lill-istess investigaturi biex jemmnu li ż-żewġ każi huma b’xi mod – direttament – relatati ma’ xulxin.

Filwaqt li l-isplużjoni fil-karozza tad-29 ta’ Jannar 2017 f’Ħal Qormi kienet diretta u immirata biex toqtol lil Victor Calleja ‘iċ-Chippy’ u dan joħroġ minn diversi aspetti fosthom li l-bomba tpoġġiet preċiżament taħt is-seat tas-sewwieq – karozza tat-tip Opel Astra, l-isplużjoni fil-karozza tal-21 ta’ Frar 2017 għadha għall-investigaturi m’hix ċara jekk tpoġġietx biex toqtol lil Romeo Bone jew inkella l-bomba kenitx fil-proċess li qed tinġarr minn post għall-ieħor.

Għalkemm Romeo Bone baqa’ ħaj – minkejja li sofra feriti gravi ħafna f’riġlejh it-tnejn tant li tilifhom – ftit li xejn jidher li wera koperazzjoni mal-Pulizija meta ripetutament mistoqsi dwar dan il-każ.

Jidher li l-bomba li qatlet lil Victor Calleja ma kenitx maħduma bl-istess mod kif kienet maħduma l-bomba li ħadet fil-karozza Megane misjuqa minn Romeo Bone. Bejn iż-żewġ bombi l-esperti tal-Qorti jidher li sabu diverġenzi importanti

Jirriżulta għall-investigaturi li għadhom iridu jistabbilixxu jekk dan kienx attentat dirett fuq il-ħajja tiegħu, u jekk kien hekk, allura l-attentat falla għaliex Romeo Bone baqa’ ħaj, inkella l-bomba kienet qed tinġarr u allura kienet fil-mira ta’ terza persuna. Jekk il-mira kienet għal terza persuna, l-investigaturi għad iridu jaslu biex jidentifikaw lill-vittma li allura probabbilment għadha fil-mira ta’ min irid jeliminaha.

Aspett ferm importanti fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija hu biex jippruvaw jistabbilixxu l-idejn ta’ min qiegħed jimmanifattur bombi daqstant perikolużi. Jidher li l-bomba li qatlet lil Victor Calleja ma kenitx maħduma bl-istess mod kif kienet maħduma l-bomba li ħadet fil-karozza Megane misjuqa minn Romeo Bone. Bejn iż-żewġ bombi l-esperti tal-Qorti jidher li sabu diverġenzi importanti.

Dan iwassal għal mistoqsija dwar jekk l-id ta’ dawn il-bombi hix waħda jew inkella hawnx aktar minn id waħda li qed taħdem dawn il-bombi. Fuq kollox il-mistoqsija prinċipali tal-investigaturi tibqa’ jekk dawn il-bombi sofistikati humiex jinħadmu mill-Maltin jew inkella humiex qed ikunu immanifatturati minn xi ħadd barrani.

Il-karozza bomba f’Ħal Qormi (29 ta’ Jannar 2017) li qatlet lil Victor Calleja

X’hemm komuni bejn Victor Calleja u Romeo Bone

L-għeruq tal-bombi li qatlu lil Victor Calleja u li ferew serjament lil Romeo Bone jistgħu jmorru lura ħafna snin. L-investigaturi jafu tajjeb li fil-passat – għadd ta’ snin ilu – iż-żewġ persuni kienu involuti f’każi ta’ hold-ups kbar. Possibbilment anki ħadmu flimkien u flimkien ma’ terzi persuni oħra li iżda nqabdu u spiċċaw il-ħabs.

Madankollu sorsi li tkellmu mal-gazzetta il-mument fissru li huma ma jinjorawx il-possibbiltà li terzi li kienu spiċċaw il-ħabs wara hold-ups fejn instabu ħatja, issa skontaw is-sentenzi tal-Qorti u reġgħu lura ħielsa.

Fil-fatt jirriżulta li l-investigaturi ma humiex jeskludu li f’dawn ir-realti serji ta’ tpattija jista’ jkun hemm moħbija wkoll l-idejn ta’ eks-priġunieri li issa huma ħielsa imma xorta qed ifittxu bl-istil tagħhom ġustizzja ma’ min gidimhom fil-passat.