Skont l-aħħar stħarriġ tal-Maltatoday ippubblikat illum, il-partiti politiċi baqgħu ras’imb’ras, jiġifieri d-differenza ta’ voti bejniethom hi f’dik li tissejjaħ ‘margin of error’. Minkejja dan, il-Partit Laburista għandu vantaġġ żgħir, għaliex skont l-istħarriġ, id-differenza hi ta’ 4%. Dan ifisser tnaqqis drastiku mill-aħħar elezzjoni ġenerali, fejn id-differenza kienet ta’ 12%.
Dan l-istħarriġ ġie ppubblikat hekk kif għad baqa’ sena għall-elezzjoni ġenerali u fi tmiem ġimgħa mimlija kontroversja politika wara li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ħabbar li l-Oppożizzjoni kienet se tikkontesta l-kuntratt tat-trasferiment tal-art tal-ITS. Din il-ġimgħa kienet ikkaratterizzata wkoll minn dikjarazzjonijiet dwar donazzjonijiet u relazzjoni kummerċjali bejn db Group u l-Partit Nazzjonalista, kif ukoll id-dubji kbar li ma hemmx tweġibiet għalihom fil-kuntratt bejn l-istess db Group u l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
L-istħarriġ jikkonferma wkoll li l-fiduċja fiż-żewġ mexxejja baqgħet kif kienet fl-aħħar stħarriġ tal-istess Maltatoday. Ġie kkonfemat ukoll li l-fiduċja mill-votanti Nazzjonalisti f’Simon Busuttil hi ferm aktar mill-fiduċja tal-Laburisti f’Joseph Muscat.
Simon Busuttil qed iġib ukoll fiduċja akbar minn Muscat fost dawk in-nies li ma vvutawx fl-aħħar elezzjoni ġenerali.
Interessanti l-fatt li mill-aħħar elezzjoni ġenerali, skont l-istħarriġ, il-Partit Nazzjonalista qed jieħu kważi 8% ta’ dawk li kienu vvutaw lill-Partit Laburista, waqt li l-Partit Laburista qed jieħu biss 4% ta’ dawk li kienu vvutaw lill-Partit Nazzjonalista.
F’dan l-istħarriġ jibqa’ jiddomina n-numru kbir ta’ votanti li jew ma jgħidux kif se jivvutaw jew jgħidu li ma jafux kif se jivvutaw. Dan jammonta għal 33%, li, bla dubju ta’ xejn, se jkunu qed jiddeterminaw min se jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss. Il-partiti ż-żgħar – jiġifieri l-Alternattiva Demokratika, l-Partit Demokratiku u l-Patrijotti ma jaqbżux it-3% bejniethom.
//= $special ?>