Futbol Sport

SERIE A – Xalata ta’ gowls fit-28 ġurnata tal-kampjonat

Rebħa kbira għal Inter li għelbu lil Atalanta 7-1 f’San Siro. MAURO ICARDI fetaħ l-iskor fis-17-il minuta meta ħa vantaġġ minn free-kick li kien imxellef u b’opportuniżmu għeleb lil Berisha. Sitt minuti wara, Inter ingħataw penalty meta MAURO ICARDI twaqqa’ minn Berisha. Mill-11-il metru, l-istess plejer irdoppja. MAURO ICARDI għaqqad it-tripletta fis-26 minuta meta daħal tajjeb għal korner u għeleb għat-tielet darba lil Berisha b’daqqa ta’ ras.

L-iskor sar 4-0 fil-31 minuta b’EVER BANEGA jiskorja b’xutt għar-rokna wara kross ta’ Candreva, biex tliet minuti reġa’ kien EVER BANEGA li kkonkluda fix-xibka wara kross ieħor mil-lemin. Atalanta naqsu d-distakk fit-42 minuta meta REMO FREULER fetaħ id-difiża ta’ Inter u b’konklużjoni fil-baxx għeleb lil Handanovic. Inter għamlu l-iskor 6-1 fit-52 minuta bit-tieni gowl konsekuttiv ta’ ROBERTO GAGLIARDINI, li għeleb lil Berisha b’xutt sabiħ għar-rokna. EVER BANEGA għaqqad ukoll it-trilpetta personali fis-67 minuta permezz ta’ free-kick.

Fiorentina komplew iżommu t-tamiet ħajja li jissieltu għal post fl-Ewropa meta għelbu lil Cagliari 1-0 fi Stadio Artemio Franchi. Il-gowl deċiżiv ġie skorjat fit-92 minuta b’gowl ta’ NIKOLA KALINIC.

Napoli kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva fil-kampjonat meta f’darhom għelbu lil Crotone 3-0. Kien LORENZO INSIGNE li fetaħ l-iskor għan-Naplitani permezz ta’ penalty fuq ix-xellug tiegħu. It-tim ta’ Sarri rdoppja fis-66 minuta wara li ngħataw penalty din id-darba għal fawl fuq Hamsik, biex kien DRIES MERTENS li skorja t-tieni gowl. Napoli għamluhom tlieta, erba’ minuti wara meta reġa’ kien LORENZO INSIGNE li rċieva ballun fit-tul, ikkontrolla u b’xutt għar-rokna għeleb lil Cordaz.

Chievo rritornaw għar-rebħ ukoll meta fi Stadio Bentegodi għelbu lil Empoli 4-0. ROBERTO INGLESE fetaħ l-iskor fit-22 minuta biex il-veteran SERGIO PELLISSIER irdoppja fl-40 minuta. Huma serrħu rashom mill-punti kwarta mit-tmiem b’gowl ta’ VALTER BIRSA, biex minuta mit-tmiem, id-difensur BOSTJAN CESAR issiġilla r-rebħa.

Bologna rritornaw għar-rebħ meta barra minn darhom għelbu lil Sassuolo 1-0 fil-Mapei Stadium. Il-gowl deċiżiv ġie skorjat fis-57 minuta meta Di Francesco qassam lejn Blerim Dzemaili li kompla għal MATTIA DESTRO li skorja f’lasta vojta.

Tliet punti għal Udinese li fi Stadio Adriatico għelbu lil Pescara 3-1. DUVAN ZAPATA fetaħ l-iskor b’gowl fl-20 minuta. Huma rduppjaw fil-51 minuta b’gowl ta’ JAKUB JANKTO, biex CYRIL THEREAU għalaq il-logħba erba’ minuti wara. Pescara skorjaw il-gowl ta’ konsolazzjoni fit-83 minuta bl-ewwel gowl mal-klabb ta’ SULLEY MUNTARI.

Fil-logħba tas-Sibt filgħaxija, Sampdoria rebħu d-derby ta’ Genova meta għelbu lil Genoa 1-0, biex għall-ewwel darba wara 57 sena, rebħu ż-żewġ derbies tal-istaġun. Il-gowl deċiżiv ġie skorjat fis-70 minuta meta LUIS MURIEL ħa vantaġġ min indeċiżjoni fid-difiża u b’xutt għar-rokna għeleb lil Lamanna.