Ambjent

Sfreġju ta’ raba’ fil-Qala bi trakkijiet jarmu skart goff

Ritratt li juri l-isfreġju serju ambjentali b'rimi ta' skart goff fir-raba' quddiem imnieħer l-awtoritajiet f'Għawdex
Il-Ministeru għal Għawdex, il-Kunsill Lokali Qala u l-Pulizija Għawdxija indifferenti għall-abbuż ta' rimi ta' skart goff fir-raba' li mbagħad jitgħatta bit-terrapien

Sidien ta’ trakkijiet kbar regolarment qed jarmu skart goff fir-raba’ li hemm fl-inħawi ‘Ta’ Dandalona’ fil-Qala Għawdex flok jibqgħu sejrin bir-rimi tal-iskart li jkollhom fil-Miżbla tal-Kus fix-Xewkija.

Residenti fil-Qala li tkellmu mal-gazzetta il-mument urew l-għadab tagħhom għall-fatt li l-ilmenti tagħhom mal-Ministeru għal Għawdex, mal-Kunsill Lokali tal-Qala u saħansitra mal-Pulizija waqgħu fuq widnejn torox u ma ttieħdet l-ebda azzjoni biex dan l-abbuż goff jinqata’ u min hemm warajh jinqabad u jitressaq il-Qorti.

Persuna li toqgħod il-Qala li din il-ġimgħa qalet li dan l-abbuż issa ilu għaddej bosta ġimgħat u bħal donnu kulħadd għami u indifferenti għal dak li qed jiġri. “Mela waqgħet it-Tieqa tad-Dwejra u qam kjass sħiħ, iżda mbagħad quddiem sfreġju fl-ambjent bħal dan ħadd mill-awtoritajiet ma jieħu passi”.

Din il-persuna fissret li hi tħobb tmur timxi fil-kampanja u post li tiffrekwenta spiss hu dak ta’ Ras il-Qala fuq ir-riħ tal-Kunċizzjoni tal-Qala.

“Mela waqgħet it-Tieqa tad-Dwejra u qam kjass sħiħ, iżda mbagħad quddiem sfreġju fl-ambjent bħal dan ħadd mill-awtoritajiet ma jieħu passi”

“Innotajt li int u nieżel lejn il-barrieri, fl-inħawi magħrufa ‘Ta’ Dandalona’ infetaħ passaġġ għal ġor-raba’ fejn kien hemm speċi ta’ għolja mimlija terrapien u ħamrija u miksija bil-ħaxix. Eżatt taħt din l-ispeċi ta’ għolja saret ħofra b’makkinarju goff bħal gaffa jew bulldożer u f’din il-ħofra beda jintefa’ kull tip immaġinabbli ta’ skart, saħansitra anke biċċiet tal-għamara li normalment tintrema bħala bulky refuse (skart goff),” qaltilna din il-persuna.

Hi kompliet tispjega li meta din il-ħofra kważi mtliet imbagħad tgħattiet bit-terrapien u ħamrija li nqata’ mill-istess għolja. Wara dan, beda jintefa’ aktar skart fuq it-terrapien biex imbagħad jerġa’ jitgħatta bil-ħamrija. B’hekk beda jintrema fil-Qala kull tip ta’ skart li jinġieb fil-post permezz ta’ trakkijiet u anke skips.

Il-Miżbla tax-Xagħra, li meta ngħalqet Għawdex kollu qal ‘Għall-Erwieħ’, issa imxiet, lejn il-Qala. Issa qiegħed jirriżulta li mill-inħawi telgħin u neżlin it-trakkijiet tal-kuntratturi li jaqalgħuha tajjeb minn hemm u preċiż fuqha hemm ukoll impjant tar-‘Ready Mix’, u qisu mhu jiġri xejn, la ħadd jara, la ħadd jisma’, aħseb u ara kemm xi ħadd se jitkellem.

Minn stħarriġ li għamlet il-gazzetta il-mument jirriżulta li dwar dan l-abbuż saru lmenti kemm mal-Ministeru għal Għawdex, kemm mal-Kunsill Lokali Qala kif ukoll mal-Pulizija ta’ Għawdex. Kull darba dawn wiegħdu li se jieħdu l-passi meħtieġa biex dan l-abbuż jinqata’ u jinqabad min qiegħed iwettqu, iżda sal-lum jidher li kienu mħabbta wisq biex ħadu xi passi ħalli dan l-isfreġju fl-ambjent ma jibqax għaddej.