Żewġt aħwa irġiel kienu liberati mill-Qorti wara li ma nstabux ħatja li kienu fil-pussess tad-droga kannabis.
Silvio Galea ta’ 41 sena u ħuħ Antoine Galea ta’ 39 sena, it-tnejn residenti iż-Żejtun, kienu tressqu f’żewġ każi seprati, akkużati b’pussess aggravat tad-droga kannabis. Antoine Galea waħdu kien akkużat bi traffikar tal-istess droga.
Il-każ imur lura għal Lulju tal-2006 meta waqt osservazzjoni min-naħa tal-pulizija fuq residenza fiż-Żejtun u eventwalment tfittxija, il-pulizija sabet 31 biċċa ta’ droga kannabis li kienet moħbija f’dgħajsa li kienet reġistrata f’isem Antoine Galea.
Ftit wara li l-Pulizija kienet arrestat lil Antoine Galea f’bar fiż-Żejtun stess, il-pulizija osservat raġel u tfajla jidħlu b’ċertu għaġġla fir-residenza tal-aħwa li kienet taħt osservazzjoni u jerġgħu joħorġu. Ir-raġel allegatament ikun Silvio Galea. Il-Pulizija li kien qed josserva d-dar kien xehed li għalkemm ma setax jara eżatt x’kienu qed jagħmlu, hu kien rahom jaqsmu t-triq u jmorru f’għalqa fejn kien hemm dgħajsa. Eventwalment, it-tfittxija u s-sejba tad-droga saret minn pulizija oħrajn.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, iddikjarat li l-Prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tipprova l-każ tagħha lil hinn minn kull dubju raġjonevoli kif mitlub mil-liġi.
Il-Qorti nnutat ukoll li għalkemm id-droga instabet f’dgħajsa li hi propjeta’ ta’ wieħed mill-akkużati, fl-istess ħin, ebda mill-marki tas-swaba’ u tal-pala tal-id elevati minn fuq id-droga misjuba ma qablet mal-marki tal-akkużati.
Il-Qorti qalet li filwaqt li l-aġir tal-imputati iqajjem suspetti kbar, min-naħa l-oħra m’hemm l-ebda prova fil-grad mitlub mill-liġi, li torbot id-droga magħhom.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent Norbert Ciappara. L-Avukat Edward Gatt deher għall-aħwa Galea.
//= $special ?>