Lokali Qorti

Appell Kostituzzjonali ta’ editur li kien spiċċa l-ħabs fl-1973

Joseph Calleja hu l-unika persuna mill-Indipendenza ‘l hawn li skonta sentenza fil-ħabs minħabba kitba.

Joqrob lejn tmiemu l-appell quddiem il-Qorti Kostituzzjonali fil-każ ta’ Joseph Calleja kontra l-Avukat Ġenerali. Il-każ jaf il-bidu tiegħu fl-1973 meta Calleja, li dak iż-żmien kien editur tal-gazzetta “In-Niggieża”, kien ikkundannat tliet xhur ħabs wara li kien instab ħati ta’ malafama fil-konfront tal-eks Ministru Guże’ Cassar.

L-Artiklu kien allega li l-Ministru Cassar kellu relazzjoni barra miż-żwieġ u li tnisslet tarbija minn din ir-relazzjoni ma’ mara li kienet taħdem fil-Ministeru tiegħu. Dan irriżulta li ma kienx minnu Dakinhar, il-Qorti tal-Maġistrati tagħtu piena ta’ ħabs effettiv, minkejja li Calleja kien irtira l-allegazzjonijiet fil-Qorti, skuża ruħu u offra li -l-Ministru jingħata dritt għar-risposta. Il-piena kienet konfermata wkoll mill-Qorti tal-Appell Kriminali.

Iktar minn 40 sena wara, Joseph Calleja ressaq rikors Kostituzzjonali fejn ilmenta li s-sentenza ta’ priġunerija kienet tikser id-drittijiet fundamentali tiegħu tal-liberta’ tal-espressjoni. F’Ottubru li għadda, il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali), sabet ksur ta’ dawn id-drittijiet u ordnat li jingħata kumpens ta’ €5,000. Kemm l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kif ukoll l-istess Joseph Calleja, appellaw mis-sentenza tal-Prim Awla.

Fit-trattazzjoni tiegħu, l-Avukat Christian Falzon Scerri mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, qal li l-Avukat Ġenerali ma jaqbilx li Calleja m’aġixxiex b’intenzjoni ħażina u dan ħareġ ċar meta l-Qrati Kriminali għamlu distinzjoni bejn il-piena mposta fuq Calleja u l-piena fuq l-istampatur li kienet ta’ Lm10.

Hu tenna li taħt il-Kostituzzjoni ta’ Malta, id-dritt tal-liberta’ tal-espressjoni mhux wieħed assolut u jħalli lok għal eċċezzjonijiet sabiex tkun protetta r-reputazzjoni tal-individwu u titħares il-moralita’  pubblika. L-Avukat Falzon Scerri fakkar li l-kultura tas-soċjeta’ Maltija fis-snin Sebgħin kienet ferm differenti, fejn l-adulterju mhux biss kien iktar skandaluż milli hu illum, iżda kien saħansitra reat kriminali.

L-Avukat Falzon Scerri temm li l-kumpens ta’ €5,000 jibgħat messaġġ ħażin li kulħadd jista’ jikteb li jrid fuq min ifettillu.

Min-naħa tiegħu, l-Avukat John Bonello qal li l-ħtija ma kienitx kontestata iżda l-kwistjoni hi dwar jekk hemmx lok ta’ piena ta’ priġunerija fiċ-ċirkostanzi ta’ libell

Hu fakkar li Joseph Calleja hu l-unika Malti li ntbagħat il-ħabs minħabba kitba mill-1964 ‘il hawn. Għaldaqstant qal li l-Ewwel Qorti bilfors kellha tirreferi għal każijiet quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem bħala linji gwida biex tiddeċiedi taħt il-liġi Maltija.

L-Avukat Bonello qal li l-piena ta’ priġunerija hi eżempju ċar tal-prinċipju ta’ “chilling effect” fuq id-dritt tal-informazzjoni u fil-kuntest u ċ-ċirkostanzi, il-kumpens li ngħata Joseph Calleja kien wieħed baxx wisq.

Fil-fatt hu kkwota l-każ Del Pietro kontra l-Italja fil-Qorti ta’ Strasburgu, li kien simili ħafna għall-każ ta’ Calleja. Fil-każ ta’ Del Pietro, il-kumpens kien ogħla minn dak mogħti lil Calleja, meta Del Pietro kien ikkundannat għal sentenza sospiża filwaqt li Calleja ingħata sentenza ta’ ħabs effettiv.

Il-Qorti Kostituzzjonali, ippreseduta mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Noel Cuschieri, iddeferiet il-każ għas-sentenza.

L-Avukati Christian Falzon Scerri u Roma D’Alessandro qed jidhru għan-nom tal-Avukat Ġenerali filwaqt li l-Avukat John Bonello qed jassisti lil Joseph Calleja.