Internazzjonali

AĠĠORNATA: Nicola Sturgeon tħabbar it-tieni referendum għall-Iskozja

Il-First Minister tindirizza lill-media
Ir-referendum mistenni jsir bejn l-aħħar tas-sena d-dieħla u l-bidu tal-2019

Il-Ministru Ewlieni tal-Iskozja Nicola Sturgeon ħabbret li se jkun qed isir referendum ieħor sabiex il-pajjiż jinqata’ minn mar-Renju Unit. Dan se jsir fid-dawl tal-iżviluppi li għaddejjin fir-Renju Unit wara li se jiskatta dalwaqt il-mekkaniżmu legali sabiex l-Ingliżi joħorġu mill-Unjoni Ewropea.

Sturgeon ħabbret dawn l-iżviluppi ftit tal-ħin ilu f’konferenza tal-aħbarijiet.

Meta indirizzat lill-media, hi qalet illi l-ġimgħa d-dieħla se titlob permess lill-Parlament Skoċċiż biex tkun tista’ tikseb l-approvazzjoni ta’ Westminster għal dan ir-referendum. Din l-approvazzjoni hija obligatorja jekk ir-referendum se jkun wieħed li jorbot legalment.

Kien f’Settembru tal-2014 meta l-Iskozja deċidiet li tibqa’ fir-Renju Unit. Dakinhar, 55% tal-Iskoċċiżi ddeċidew li ma jridux l-indipdendenza f’vot storiku li fih marru jivvutaw 84% tal-elettrorat.