Lokali

FILMAT: “Dak il-ħin ftakart f’ibni” – il-Kaptan Robin Zammit li wassal tarbija għall-kura f’Londra

“Malli rajt lit-tarbija ta’ xahar fl-inkubatur, ftakart f’ibni” – huma dawn il-kliem ta’ Robin Zammit, Kaptan tal-Air Malta li flimkien mal-ekwipaġġ tal-linja nazzjonali tal-ajru għamlu dak kollu possibbli biex tarbija li kellha bżonn il-kura fl-Ingilterra waslet qabel il-ħin fid-destinazzjoni tagħha.

It-tijira seħħet ilbieraħ, bil-Kaptan Robin Zammit, assistit minn Konrad Scicluna u John Mejlak jaslu f’Heathrow mill-iktar fis possibbli b’din it-titjira kummerċjali li telqet minn Malta.

Kburi b’xogħlu u li fortunatament it-tarbija waslet f’Londra għall-kura, Robin Zammit tkellem ma’ Net News u qal li “kull minuta kienet tgħodd, u kulħadd għamel l-almu tiegħu. Issa għandna bżonn it-talb tagħkom.”

Kompla li t-tobba taw lit-tarbija 50% ċans li ssalva qabel tasal għall-kura fl-isptar ta’ Londra. “Iżda mal-wasla tagħna, it-tabib li kien qed jassistiha avżana li t-tarbija qalbet għall-aħjar.”

Dan grazzi għall-ħidma tal-ekwipaġġ tal-Air Malta, bil-Kaptan li ħa numru ta’ miżuri biex jasal qabel il-ħin. Fost dawn billi nnegozja ftehim biex jinżel fir-runway minn fejn soltu jtiru l-ajruplani, biex b’hekk iffranka 20 minuta holding  fl-ajru, u ħa biss erba’ minuti (meta s-soltu ajruplan jieħu kważi kwarta) biex waqaf f’postu malli llendja.

Il-kumpanija Air Malta hi waħda mill-ftit linji tal-ajru li l-ajruplani tagħha huma mgħammra b’inkubatur iddiżinjat, mibni u ċertifikat apposta għal każi ta’ emerġenza medika bħal dan.

L-intervista iktar fid-dettall mal-Kaptan Robin Zammit tixxandar illejla waqt Net News.