It-terrorista veteran imlaqqam Carlos the Jackal beda għaddej ġuri mill-ġdid fi Franza; din id-darba dwar attakk qattiel li kien seħħ ħafna snin ilu f’kumpless kummerċjali.
Carlos – ismu proprju Ilich Ramirez Sanchez u li ġej mill-Veneżwela – kien it-terrorista ewlieni responsabbli minn sensiela ta’ attakki spettakulari li pparalizzaw Franza fis-sebgħinijiet u s-snin tmenin. Hu diġà qed jiskonta żewġ termini ta’ ħabs għal għomru b’konnessjoni ma’ omiċidji li twettqu ‘favur il-kawża tal-Palestinjani u l-komunisti’.
Fis-snin sebgħin u tmenin, Carlos kien wieħed mill-aktar terroristi mfittxija fid-dinja u dam is-snin jiżgiċċa lill-ġustizzja qabel inqabad fis-Sudan, fl-1994.
Ramirez, issa, deher quddiem tliet maġistrati f’Pariġi fejn wieġeb dwar attakk bi grenade li seħħ fl-1974, u li kien indirizzat kontra kumpless kummerċjali fil-Kwartier tal-Latini fil-kapitali. Fl-attakk kienu nqatlu żewġ persuni, b’għexieren jindarbu, iżda Ramirez insista li mhux ħati. Proprju llum, it-terrorista ma naqasx milli jikkundanna l-aħħar proċess tal-qorti, bl-avukati tiegħu ifissru dan il-proċess bħala ‘ħela ta’ flus u ta’ żmien’.
//= $special ?>