Lokali

Il-ħatra tal-maġġuri fil-Pulizija: 23 Pulizija jmorru l-Qorti biex iwaqqfu proċess ivvizzjat

23 Pulizija jirrikorru l-Qorti minħabba ħatriet fil-Korp tal-Pulizija li huma vvizzjati

Dalgħodu, fil-Qorti ġie ppreżentat mandat minn 23 surġent tal-Pulizija sabiex iwaqqfu lill-Ministru Carmelo Abela milli jkompli bil-proċess tal-ħatra tal-Maġġuri fil-Korp tal-Pulizija. Dawn is-Surgenti qegħdin jinsistu li l-proċess tal-għażla tal-Maġġuri, inkluż il-proċess tal-interviews kien wieħed ivvizzjat u mhux skont il-proċedura stabbilita, bil-konsegwenza li saret inġustizzja fil-konfront tagħhom.

Din mhix l-ewwel darba li Pulizija kellhom jirrikorru għall-Qorti biex iwaqqfu proċessi ta’ ħatriet fil-Korp tal-Pulizija minħabba ndħil politiku. Dan il-protest qed isir ftit ġranet wara li ġie żvelat li l-Gvern qabad u żied il-pagi tal-ogħla uffiċjali biss b’10,000 ewro fis-sena. L-avukat li qed jirrapreżenta lill-maġġuri huwa Joseph P Bonello.