Kelb bl-isem ta’ Olly, spiċċa l-istilla tas-serata waqt kompetizzjoni tal-klieb – dan wara li minflok obda l-istruzzjonijiet ta’ sidtu u jiġri skont fejn tgħidlu hi, dan il-kelb sab l-ispazzju u beda jiġri u jgħaqad mal-post kollu.
Dan il-kelb eċitat tar-razza Jack Russell kien qiegħed jikkompeti fil-kompetizzjoni Crufts għall-ewwel darba tiegħu. Olly huwa ‘rescue dog’, iġifieri ma tantx kellu fortuna f’ħajtu, fejn għamel ħafna żmien mingħajr dar ġewwa xelter tal-klieb Blue Cross f’Kimpton fir-Renju Unit. Hu ġie abbandunat ġewwa qoffa u tħalla quddiem l-entratura tax-xelter sakemm instab hemmhekk, avolja ċ-ċentru li jieħdu ħsieb il-klieb abbandunati dak il-ħin kien miftuħ.
F’mument minnhom matul il-ġirja tieghu, Olly spiċċa baqa’ dieħel ġo ostaklu li ried jaqbeż minn fuqu u tkaxkar mal-art.Iżda dan il-kelb ferħan qam u reġa’ beda jiġri mal-ewwel. F’mument ieħor, dan il-kelb mar bil-kontra minn ġol-mina li kellu jgħaddi minnha. Fi drabi oħra, injora l-istruzzjonijiet ta’ sidtu ma qabiżx minn fuq l-ostakli.
Minkejja li ma rebaħ l-ebda premju, dan il-kelb rebaħ il-qlub mhux biss tan-nies li segwew il-ġirja tiegħu fil-kompetizzjoni, imma anke issa li videos tiegħu qegħdin jinxterdu mal-mezzi tal-media kollha.
Olly għallem lill-kulħadd x’ifisser verament l-isport – dak li l-importanti mhux biss li tirbaħ, imma li tieħu gost tagħmel dak li qiegħed tippratika!
//= $special ?>