Lokali

“Il-Ministru Zammit Lewis induna li f’erba’ snin m’għamel xejn” – SĦPN

L-aħbar li ħarġet dwar l-Air Malta u l-ħtiega li se jkollhom jitkeċċew il-ħaddiema meta jinstab sieħeb strateġiku għal-linja nazzjonali kessħet lill-impjegati kollha tal-kumpanija. Jidher ċar li l-Gvern Laburista ħela’ erba’ snin jipprova jara x’se jagħmel bl-AirMalta. Jidher li dan ma wassal ghal-imkien.

Fi stqarrija l-SĦPN qalet li l-ewwel gideb lill-ħaddiema dwar it-taħdidiet mal-Alitalia baqgħu għaddejin meta kulħadd kien jaf li waqfu. Imbaghad il-Gvern iddecieda li jwaqqaf ir-rotta ta’ Frankfurt kontra l-parir tal-management tal-AirMalta b’hafna mistoqsijiet iktar milli tweġibiet. Issa ddeċieda li r-rapport finanzjarju għall-2016 ma jkunx ippublikat meta kulħadd jaf li din hija kumpanija li l-akbar sehem tagħha qiegħed għand il-Gvern. Il-għala l-Gvern qed iżomm moħbi r-riżultati finanzjarji tal-AirMalta? X’hemm x’jaħbi? X’mar ħażin?

L-SĦPN qalet li l-Ministru Zammit Lewis kien ikun pront jikkritika il-pariri li tat l-Oppozizzjoni Nazzjonalista fuq l-AirMalta. Mhux talli hekk, iżda kien jirredikolhom kontinwament.

Illum il-Ministru ma tantx qiegħed f’pożizzjoni li jirredikolha lil xi ħadd. Il-ħaddiema fl-Air Malta qishom ras maqtugħa. Il-ħaddiema li kkuntatjaw lill-SĦPN qalulna li kien ikun aħjar għall-Ministru flok joqgħod jagħmel konferenzi tal-aħbarijiet sabiex jattakka lill-PN, jara kif ser isolvi il-problemi li fl-Air Malta li f’dawn l-aħħar erba’ snin tħalliet qisha dgħajsa bla direzzjoni.