Il-fatt li l-Assoċjazzjoni Medika Maltija tat ultimatum lill-Gvern qabel tħabbar azzjonijiet industrijali għall-membri tagħha, hi eżempju ċar ta’ kif għall-korruzzjoni ta’ dan il-Gvern, qed iħallsu l-pazjenti fl-isptarijiet u ċ-ċentri tas-saħħa ta’ pajjiżna. Stqarr dan il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija li indirizzat l-aħbar fil-faċċata ta’ The Times of Malta tal-lum.
Il-Partit Nazzjonalista qal li l-mod kif saret il-privatizzazzjoni tat-tliet sptarijiet ta’ pajjiżna: l-Isptar San Luqa, l-Isptar Karen Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex qajjem bosta mistoqsijiet, mhux biss għall-fatt li min innegozja dan id-deal, ffirma l-kuntratt fil-ġimgħa li ta l-go ahead biex jinfetħu l-kumpaniji sigrieti fil-Panama, iżda għax kif ikkonferma s-Segretarju Ġenerali tal-MAM Martin Balzan, il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema mhux talli ma marrux għall-aħjar, iżda issa jidher fiċ-ċar li teżisti diskriminazzjoni bejn ħaddiema tal-istat u l-ħaddiema tal-privat.
F’dan l-istadju, filwaqt li Partit Nazzjonalista qed jinsisti li l-Ministru Chris Fearne jindirizza l-mistoqsijiet u d-dubji tal-ħaddiema, l-Partit Nazzjonalista jistaqsi xi pjanijiet oħra għandu l-Gvern dwar privatizzazzjonijiet. Chris Fearne għandu jkun ċar, u fost l-oħrajn, jgħid jekk hux qed jipjana li jiprivatizza:
- il-kura tas-saħħa mentali;
- il-mother and baby hospital li jinkludi servizz tal-kura tat-tfal kif ukoll il-kura tas-saħħa tal-mara;
- id-dipartiment tad-Dermatoloġija;
- is-servizzi ta’ rijabilitazzjoni; kif ukoll
- iċ-Ċentri tas-Saħħa ta’ Ħal Kirkop u Raħal Ġdid.
L-istqarrija tkompli li l-ħaddiema għandhom kull dritt li jkunu jafu x’se jiġri mill-post tax-xogħol tagħhom, waqt li l-pazjenti għandhom id-dritt li jkunu jafu x’se jiġri mill-kura li jirċievi.
Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li kemm il-pazjenti, kif ukoll it-tobba u l-professjonisti fil-qasam tas-saħħa qed iħossuhom traduti minn dan il-Gvern, għaliex l-uniku roadmap li kellu kienet biss li jbiegħ l-isptarijiet ta’ pajjiżna.
//= $special ?>