Ekonomija Lokali

“Il-prezzijiet tar-Reġistru tal-Artijiet għolew” – FPPN

Il-fergħa Forum Professjonisti Partit Nazzjonalista tirreaġġixxi għaż-żieda fil-prezzijiet għas-servizzi provduti mir-Registru tal-Artijiet minn mindu sar jaqa’ taħt l-Identity Malta.

“Minn meta l-operat tar-Reġistru tal-Artijiet għadda f’idejn l-aġenzija “Identity Malta”, l-ħlas għal servizzi sploda ‘l fuq” – stqarret dan il-fergħa Forum Professjonisti Partit Nazzjonalista b’reazzjoni għaż-żieda kbira li hemm fil-prezzijiet waqt il-proċess ta’ reġistrazzjoni tal-artijiet.

Dan huwa rizultat dirett ta’ inkompetenza tal-gvern li minflok jiffoka sabiex joħloq strutturi effiċjenti għal servizz aħjar liċ-ċittadin, ikompli jżid il-piż fuq iċ-ċittadin b’iktar tariffi moħbija u mhux ġustifikati, u żieda fil-burokrazija li kien imwiegħed li ser titnaqqas mhux tiżdied.

Il-FPPN semmiet lista ta’ prezzijiet li għolew waqt il-proċess ta’ reġsitru tal-artijiet. Fost l-oħrajn il-fergħa tal-Partit Nazzjonalista semmiet illi sabiex wieħed jakkwista “site-plan” minn prezz ta’ €2.60, issa wieħed irid iħallas €5.00. Biex wieħed jingħata risposta fuq it-titolu ta’ proprjeta`, minn rata fissa ta’ €5.15 għal kull risposta, issa fuq din ir-rata ta’ €5.15 żdiedu spejjeż għal kull dokument anness mar-risposta li jinkludu:

  • €2.60 – għaċ-ċertifikat ta’ titolu
  • €1.10 – għal kull kopja ta’ dokument A3 anness mar-risposta
  • €0.55 – għal kull kopja ta’ dokument A3 anness mar-risposta
  • €5.00 – għal pjanti li juru fid-dettall problema fis-sit inkluż “overlap” ta’ proprjeta` oħra

Ukoll ittieħdet deċizjoni illi r-risposti, li sa ftit ilu kienu jintbagħtu mir-Reġistru tal-Artijiet lill-professjonisti bil-posta, issa fir-rigward ta’ dawk l-proprjetajiet illi jinsabu f’żona ta’ reġistrazzjoni, dawn ir-risposti iridu jinġabru mill-uffiċini tar-Registru tal-Artijiet il-Belt Valletta, bl-uniku skop ikun li jitħallsu dawn it-tariffi żejda.

Il-Forum Professjonisti jfakkar illi r-riċerka fir-reġistru tal-artijiet hija mandatorja għal kull trasferiment ta’ proprjeta` u għaldaqstant dawn ċ-charges huma piż żejjed fuq iċ-ċittadin. Il-Forum Professjonisti jissokta wkoll illi iz-zieda f’dawn l-ispejjeż ma’ ssarfitx f’servizz iktar effiċjenti iżda bil-kontra l-bidliet fl-istruttura kif imħaddma minn Identity Malta żiedu d-dewmien u għaldaqstant qegħdin joħolqu inkonvenjent kbir lill-professjonisti bħal Nutara u Periti, liċ-ċittadin li jistħoqqlu jinqeda u lill-impjegati stess li qegħdin ikollhom jaffaċjaw l-ilmenti u l-pressjoni li din is-sitwazzjoni qegħda toħloq.

Tags