Ambjent Lokali

Iż-żona tal-baħar madwar it-Tieqa tad-Dwejra tingħalaq għall-pubbliku

Iż-żona tal-baħar fejn it-Tieqa tad-Dwejra waqgħet f’dan il-mument hija żona restritta, sakemm isir aktar stħarriġ.

Iż-żona fejn kienet din it-Tieqa tant popolari, u li ħasdet lil bosta bit-tiġrif naturali li saret nhar l-Erbgħa tal-ġimgħa li għaddiet, hija żona fejn l-baħħara, l-għaddasa, u l-għawwiema għandhom jevitaw sakemm isir l-istħarriġ u l-ispezzjoni li hemm bżonn biex jiġi fiċ-ċert li m’hemmx riskji għas-sigurta’ ta’ kulħadd u għall-konservazzjoni.

Transport Malta, flimkien mal-Awtorita` għar-Riżorsi u l-Ambjent u l-Awtorita` Maltija għat-Turiżmu, ħarġu avviż lill-baħħara f’dan ir-rigward. Il-waqa’ tat-Tieqa tad-Dwejra għamlet bidla f’qiegħ il-baħar u fit-topografija tal-ilma fl-inħawi u għalhekk il-baħħara huma avżati biex ma jersqux lejn iż-żona.

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, il-qarrejja ta’ netnews.com.mt setgħu jaraw filmat li nġibet dwar qiegħ il-baħar kif inhu wara li ġġarfet it-Tieqa tad-Dwejra.