Internazzjonali

L-2016 kienet l-aktar sena qattiela għat-tfal fis-Sirja

 

L-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (UNICEF) li tħares l-interessi tat-Tfal qalet li s-sitwazzjoni tat-tfal fis-Sirja ‘messet il-qiegħ’ fl-2016. Dan meta fis-sena partikulari, inqatlu aktar tfal Sirjani milli fi kwalunkwe sena oħra tal-gwerra ċivili li ilha għaddejja fis-Sirja mill-ewwel xhur tal-2011.

Kelliema għall-UNICEF qalu li, is-sena l-oħra, mietu talanqas 652 tifel u tifla Sirjani – b’255 minnhom imutu waqt inċident tal-gwerra speċifiku qrib ta’ skola. Iċ-ċifri inkwetanti, fl-istess ħin, juru qabża ta’ 20 fil-mija fuq l-ammont tat-tfal Sirjani li kienu tilfu ħajjithom fl-2015 b’kaġun tal-konflitt.

Hu minnu wkoll li l-istatistika tinkludi biss l-imwiet ivverifikati b’mezzi formali u li jfisser li l-ammont tat-tfal maqtula fis-Sirja jista’ jkun bil-wisq ogħla miċ-ċifri provduti.

Il-UNICEF temmen, intant, li ’il fuq minn 850 tfal Sirjani kienu reklutati ‘biex jiġġieldu’ fil-pajjiż inkwistjoni, fl-2016. L-ammont hu d-doppju tat-tfal ‘li spiċċaw involuti fil-ġlied b’dan il-mod’ matul is-sena preċedenti.

Magħruf li t-tfal Sirjani reklutati għall-gwerra f’ħafna drabi sabu ruħhom fuq il-front tal-battalja inkella – f’każi aktar rari – sfaw sfruttati bħala aggressuri suwiċida, kif ukoll bħala gwardjani f’kumplessi ta’ ħabs jew bħala ‘sostenituri ta’ esekuzzjonijiet’.

Geert Cappelaere, id-Direttur Reġjonali tal-UNICEF għal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq qal li ‘l-livell tat-tbatija fost it-tfal tas-Sirja mgħandu l-ebda preċedent’. Hu fisser li miljuni ta’ tfal fis-Sirja qed jisfaw attakkati kuljum, u li ħajjithom inqalbet ta’ taħt fuq.