It-tim nazzjonali Malti tan-nisa kiseb l-ewwel rebħa fl-Aphrodite Cup wara li n-nisa Maltin għelbu lil Ċipru 2-1. Martina Borg u Ylenia Carabott skorjaw għat-tim ta’ Mark Gatt, wara li Ċipru kienu kisbu d-draw kmieni fit-tieni taqsima. Malta jilagħbu kontra l-Litwanja l-Erbgħa.
It-tim Malti kellu bidu tajjeb mill-bidu tal-logħba, bl-għan li jpatti għat-telfa kontra l-Latvja. Il-Maltin marru qrib il-gowl tal-vantaġġ fl-20 minuta meta Dorianne Theuma laqtet il-mimduda. Iżda żewġ minuti wara, in-nisa Maltin marru fil-vantaġġ b’Martina Borg tkompli l-ballun għal ġewwa. Malta komplew jiddominaw il-logħba, bil-gowlkiper ta’ Ċipru ssalva tajjeb il-free-kick ta’ Dorianne Theuma.
Ċipru ġabu d-draw kmieni fit-tieni taqsima permezz ta’ Marilena Georgiou, iżda dan il-gowl fisser reazzjoni b’saħħitha tat-tim Malti, b’Rachel Cuschieri tmur qrib bix-xutt tagħha jgħaddi ftit barra. Il-gowl rebbieħ wasal tmien minuti mit-tmiem meta Ylenia Carabott skorjat biex tat l-ewwel rebħa fl-istorja kontra Ċipru.
Il-formazzjoni tat-tim Malti
Rachel Borg, Gabriella Zahra (78 Alishia Sultana), Ann-Marie Said, Stephania Farrugia, Dorianne Theuma, Ylenia Carabott, Rachel Cuschieri, Martina Borg (75 Brenda Borg), Shona Zammit (56 Kim Parnis), Jade Flask, Charlene Zammit.
//= $special ?>