Internazzjonali

L-Iraq: Il-ġellieda tal-ISIS f’Mosul huma ‘destinati għall-mewt’

Ir-Rappreżentant tal-Istati Uniti għall-koalizzjoni multinazzjonali li qed tikkumbatti lill-ISIS fl-Iraq qal li kwalunkwe terroristi li għadhom jirreżistu fil-Punent ta’ Mosul huma ‘destinati li jmutu fl-inħawi’.

Brett McGurk għamilha ċara li l-koalizzjoni u l-qawwiet tal-Gvern Iraqi ‘huma impenjati mhux biss biex jegħlbu lill-ISIS f’Mosul, iżda jridu jaċċertaw li dawn il-ġellieda ma jaħarbux’. McGurk ħareġ it-twissija wara li d-Disa’ Diviżjoni tal-Armata tal-Iraq għalqet l-aċċess mill-‘aħħar triq, ’il barra mill-Punent ta’ Mosul’, u meta din il-belt hi l-aħħar fortizza urbana tal-ISIS fl-Iraq.

Il-qawwiet tal-Iraq, appoġġjati mill-ajruplani tal-gwerra tal-koalizzjoni u l-konsulenti militari mal-art, irnexxielhom jaħtfu zoni kbar ta’ Mosul f’dawn l-aħħar xhur. L-istess qawwiet, issa, qed jikkontrollaw l-inħawi tal-Lvant kollha ta’ Mosul, minbarra li irnexxielhom ikeċċu lit-terroristi minn diversi distretti lejn il-Punent.

Ir-Rappreżentant Amerikan qal, b’fiduċja, li ‘qegħdin iqarrbu l-liberazzjoni ta’ Mosul mill-ISIS’, iżda hu xorta waħda wissa li l-qawwiet tal-koalizzjoni jridu jħejju għal aktar ġlied intensiv, meta t-terroristi tal-ISIS huma determinati li jirreżistu sal-aħħar.

Fil-preżent, il-qawwiet tal-Iraq qed jieħdu lura ‘uħud mill-aktar territorju diffiċli wara li kienu jafu dwar l-ostakli involuti’. Dan meta t-truppi, issa, qegħdin jiġġieldu ġo ‘zona urbana ffullata’ huma u jikkonfrontaw ‘għadu qalil u suwiċida li qed juża ċ-ċivili bħala tarka’.

L-indikazzjonijiet huma li ma fadalx aktar minn 2,500 ġellieda tal-ISIS f’Mosul u fil-belt ta’ Tal Afar, li tinsab xi 60 kilometru lejn il-Punent.

Membri tas-Servizzi Iraqqin għal Kontra t-Terroriżmu, sadanittant, qed jikkalkulaw li l-qawwiet tal-Gvern Iraqi, illum, jikkontrollaw ‘aktar minn terz tal-art fil-Punent ta’ Mosul’.