Lokali

L-uniku partit li kiser il-liġi tal-finanzjament tal-partiti hu l-Partit ta’ Zammit Lewis

Stqarr dan il-PN f'risposta għall-konferenza tal-aħbarijiet tal-PL li ġiet indirizzata mill-Ministru Zammit Lewis u l-Ministru Bonnici.

Meta l-partit tagħhom jikkonforma mal-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti, forsi xi ħadd jibda jieħu lil Owen Bonnici u Edward Zammit Lewis bi ftit aktar serjetà. Dan stqarru l-Partit Nazzjonalista f’risposta għall-konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista.

L-uniku partit politiku li qed jikser il-liġi tal-finanzjament tal-partiti huwa l-partit tagħhom stess li:

  • ma rreġistrax bħala partit politiku fiż-żmien definit tal-liġi u b’hekk kiser il-liġi;
  • ma ppreżentax il-lista ta’ donazzjonijiet li rċieva s-sena li għaddiet u b’hekk reġa kiser il-liġi;
  • għandu l-uffiċjali tiegħu mħallsa mill-Gvern b’total ta’ għexieren ta’ eluf ta’ euro fis-sena, u b’hekk reġa kiser il-liġi għal darb’oħra.

Minn-naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista diġà spjega r-rabta kummerċjali li Medialink kellha ma kumpaniji li hu nvolut fihom Silvio Debono, li kienu jikkonsistu fi sponsorship tal-programmazzjoni fuq l-istazzjon NET TV u li fl-2016 ammontaw għal total ta’ €70,800, bil-VAT b’kollox.

Din ir-rabta kummerċjali hija konformi mal-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti li, fi kwalunkwe każ, tapplika biss għal partiti politiċi meta jirċievu donazzjonijiet għat-twettiq tal-attivitajiet u funzjonijiet tagħhom u ma tapplikax għal kumpaniji kummerċjali.

Il-Partit Nazzjonalista wera li mhu lest iħalli l-ebda donazzjoni u l-ebda rabtiet kummerċjali jżommuh milli jitkellem fuq it-trasferiment tal-art tal-ITS bir-ribass. U kien għalhekk li talab lill-Awditur Ġenerali jinvestiga.

Fl-istqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li d-differenza qegħda hawn: Joseph Muscat għadda l-art pubblika bir-ribass filwaqt li Simon Busuttil wera li mhu fil-but ta’ ħadd.