Lokali

“Minn fejn ġew flus il-Partit Laburista għall-kampanja elettorali li għaddiet?” – Marlene Farrugia

Marlene Farrugia

Il-Mexxejja tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia indirizzat konferenza tal-aħbarijiet quddiem Kastilja, fejn staqsiet minfejn ġew il-flus biex il-Partit Laburista ffinanzja l-kampanja elettorali li għaddiet.

Taħt Iil-monument ta’ Manwel Dimech, li fi żmienu kien qal li “rridu nkunu nies ġodda fi minijiet ġodda,” kliem li Marlene Farrugia qalet li għadu japplika anke llum, hi staqsiet ukoll jekk dawn il-flus ġewx mingħand il-‘big businesses’ u hu għalhekk li la l-Partit Laburista għadu ma rreġistrax bħala partit u allura lanqas ma ddikjara minfejn daħħal id-donazzjonijiet fl-2016.

Fid-dawl ta’ dan fakkret ukoll li l-Gvern Laburista laħaq ftehim fuq numru ta’ proġetti kbar li jiswew miljuni, fosthom għall-bejgħ tal-isptarijiet, il-kuntratt tal-enerġija u l-bejgħ tas-sit tal-ITS fost l-oħrajn, li la ġew diskussi u d-dettalji ta’ dawn il-kuntratti tagħhom baqgħu moħbija.

Hi kkritikat ukoll lill-Partit Laburista  li ilu sentejn imma s’issa ma wassalx għall-approvazzjoni tal-abbozz t’ liġi li għandu jirregola l-istandards fil-ħajja pubblika. Staqsiet għafejn anke f’dan il-każ, il-Gvern għadu jkaxkar saqajh.