Lokali

“Persuni nieqsa mid-dawl ma jridux ikla b’xejn imma ugwaljanza” – omm Samuel Farrugia

Persuna li hu nieqes mid-dawl u juża kelb bħala gwida għall-ħajja ta’ kuljum ġie rifjutat minn żewġ ristoranti għax l-impjegati avżawh li l-annimali mhux permessi fl-istabbilimenti rispettivi.

Kienet Mary Rose Farrugia, omm it-tifel Samuel li tant seraq il-qlub ta’ nies fl-aħħar ġimgħat, li fuq Facebook esprimiet id-diżappunt tagħha li l-ħarġa tagħhom kellha tispiċċa b’dan il-mod.

Spjegat kif hi u ħabib tal-familja tagħhom ippruvaw jikkonvinċu lill-impjegati li dan il-kelb hu bżonn u mhux kapriċċ. “Il-kelb hu l-vista’ ta’ dawn il-persuni. Din hi xi ħaġa inaċċettabbli. Persuni nieqsa mid-dawl huma persuni normali wkoll,” stqarret Mary Rose Farrugia.

Malli ħarġet din l-istorja, is-sidien tal-istabbilimenti offrew ikla b’xejn lil Samuel u sieħbu bħala skua għal dan l-episodju. Iżda Mary Rose rrispondiet li l-appell tagħha ma kienx biex takkwista xi ħaġa, iżda għaliex tixtieq li persuni nieqsa mid-dawl ikunu stmati daqs ħaddieħor.