Futbol Sport

Qormi Hotspurs fl-ewwel post wara rebħa tajba

L-attakkant ta’ Qormi Hotspurs Andy Farrugia javvanza lejn il-lasti avversarji (Ritratt: Samuel Dimech)

Qormi Hotspurs huma l-liders il-ġodda tal-Kampjonat tat-Tieni Diviżjoni tal-MAFA meta b’gowl kull taqsima għelbu l-isfida denja ta’ Tal-Qroqq Versity bl-iskor ta’ 2-1.

Kienet logħba li fuq il-karta kellha tkun bilanċjata bejn żewġ timijiet li bejniethom kellhom differenza ta’ punt wieħed biss fil-klassifika. Il-Hotspurs reġgħu wkoll irritornaw għar-rebħ u għamlu dan bl-aktar mod konvinċenti meta b’wirja kbira fit-tieni taqsima rnexxielhom isibu t-triq għall-gowl.

Il-Qriema, li kienu qed iżanżnu flokk ġdid fjamant, marru minn fuq wara erba’ minuti logħob permezz ta’ Yosef Bonnici. Tal-Qroqq Versity damu ftit ma sabu saqajhom għalkemm fl-ewwel okkażjoni serja tagħhom irnexxielhom jagħmlu l-iskor indaqs grazzi għall-gowl ta’ Adrian Pavia.

Hekk kif l-ewwel taqsima għalqet fi draw ta’ 1-1, iż-żewġ timijiet ħarġu għat-tieni waħda bl-intenzjoni li jsibu l-gowl li jagħtihom it-tliet punti prezzjużi u fil-fatt kienu Qormi Hotspurs li għamlu dan fil-45 minuta meta Andy Camilleri niżżel ismu fost l-iskorers tal-partita.

Dan il-gowl fl-aħħar mill-aħħar kellu jkun dak tar-rebħa hekk kif il-Hotspurs bdew l-impenji tagħhom tat-tieni rawnd b’riżultat ferm pożittiv.

Sadanittant Valletta Stars inqalgħu mill-aħħar post tal-klassifika meta rebħu lil Mqabba Albions bl-iskor ta’ 4-3. Logħba li kien fiha minn kollox, ħafna gowls, tliet penalties u xi deċiżjonjiet xi ftit kontroversjali min-naħa tar-referee.

L-istilel Beltin ħarġu għal din il-partita b’ħeġġa liema bħalha biex itemmu s-serje ta’ riżultati negattivi u rnexxielhom jistabbilixxu vantaġġ doppju fl-ewwel kwarta logħob.

Mqabba pront wettqu reazzjoni u saħansitra ġabu l-iskor indaqs. Lejn it-tmiem hekk kif l-iskor kien 4-2 favur il-Beltin, Mqabba reġgħu daħlu fil-partita wara li skorjaw penalty sabiex kellna final drammatiku. Minkejja kollox Valletta Stars iddefendew tajjeb tant li ħarġu bi tliet punti fundamentali minn dan il-konfront.

Valletta marru minn fuq permezz ta’ Jurgen Pace li fit-12–il minuta ħasad għal kollox lill-gowlkiper Buttigieg. Fis-17–il minuta, Valletta ngħataw penalty li ġie skorjat minn Chris Farrugia biex irdoppja l-iskor għat-tim tiegħu.

Mqabba daħlu mill-ġdid fil-partita b’żewġ gowls verament sbieħ skorjati minn Christian Fardell u Shawn Abela u f’temp ta’ sitt minuti għamlu l-iskor 2-2. Qabel tmiem l-ewwel taqsima, Valletta Stars reġgħu sabu x-xibka permezz ta’ penalty tal-istess Chris Farrugia li b’hekk għaqqad doppjetta personali.

Fit-tieni taqsima, Valletta ħarġu tajjeb u skorjaw ir-raba’ gowl tagħhom grazzi għal Mark Muscat li fid-39 minuta għamilhom 4-2.

It-tielet penalty tal-ġurnata ngħata favur Mqabba sabiex mill-ħdax –il metru Redent Cassar naqqas il-marġni tal-iskor. Minkejja l-attakki kontinwi ta’ Mqabba, l-Istilel Beltin żammew sod sabiex kisbu t-tieni rebħa staġjonali.

Klassifika tal-ewwel diviżjoni:

Marsa St. Michael 24 punt, Valletta St. Pauls 21 punt, Senglea Gunners 14-il punt, Santa Lucia Falcons 9 punti

Klassifika tat-tieni diviżjoni:

Qormi Hotspurs 12-il punt, Fleur de Lys CFK 11-il punt, Tal-Qroqq Versity 8 punt, Valletta Stars 8 punti, Mqabba Albions 7 punti.

Tags