Lokali Parlament Saħħa

Ryan Callus jappella għal riċerka dwar il-marda li qatlet lil ommu

Il-Kamra tad-Deputati llejla esprimiet il-kondoljanzi tiegħha lill-MP Nazzjonalista Ryan Callus wara l-mewt t’ommu Antoinette. Simon Busuttil esprima l-kondoljanzi lill-familja Callus f’isem il-Oppożizzjoni filwaqt li Godfrey Farrugia ta l-kondoljanzi f’isem in-naħa tal-gvern.

Simon Busuttil qal li s-Sinjura Callus kienet ħadmet bħala infermiera u ddedikat ħajjitha għall-benesseri ta’ oħrajn, kif ukoll tal-familja tagħha.

Is-Sur Callus irringrazzja l-Kamra u qal li l-marda li kienet ħakmet lil ommu kienet l-iSchleroderma, marda rari ħafna. Hu qal li l-marda t’ommu laqtet is-sistema immunitarja tagħha u l-ġisem tagħha kien qed jiġġieled lilu nnifsu.

Huwa qal li ommu, li kellha din il-kundizzjoni magħha kien hemm 80 pazjent ieħor li jsofu din il-marda f’pajjiżna. Huwa qal li f’Malta hemm bżonn li ssir aktar riċerka fuq din il-marda u kif ukoll li l-awtoritajiet jgħinu aktar lil dawk vittmi minn din il-marda. Huwa qal li uħud mill-pazjenti lanqas kienu jistgħu jieklu waħedhom.

Huwa għalaq dan l-appell billi rringrazzja lil kull min b’xi mod jew ieħor għen lil ommu partikolarment it-tim mediku li assista f’dawn il-mumenti tant diffiċli.