Lokali

Studenti tal-kulleġġ Stella Maris wasslu messaġġ ta’ tama

Is-Sibt se titella' l-maratona MISSIO Malta

Is-Sibt se tkun organizzata l-maratona Missio li l-fondi miġbura se jmorru għal persuni f’pajjiżi foqra li ħafna drabi lanqas biss għandhom aċċess għall-ilma nadir biex jixorbu.

Il-maratona li se titella’ fil-Valletta Waterfront minn nofsinhar sa nofsilejl sabet anke l-koperazzjoni ta’ 12-il skola tal-gvern tal-Knisja u tal-privat li organizzaw attivitajiet varji sabiex iqajjmu kuxjenza fost l-istudenti li hemm tfal bħalhom li m’għandhomx bżonnijiet bażiċi li aħna ħafna drabi ma napprezzawx

Net News żar il-kulleġġ Stella Maris, fil-Gżira, fejn l-istudenti mill-Form 1 sal-Form 5 wasslu messaġġ ta’ tama billi ffurmaw huma stess il-kelma.

Minn naħa tiegħu l-Assistent Kap tal-kulleġġ Emmanuel Cilia qalilna li jħosshum fid-dmir li jgħallmu lill-istudenti li huma jistgħu jgħinu tfal oħra li prattikament m’għandhom xejn fil-ħajja.

Minn naħa tagħhom studenti li tkellimna magħhom spjegawlna għalfejn wasslu l-messaġġ ta’ tama. L-istudenti Nathan Gatt, Abhishec Sah Frendo u Francesco Scicluna qalu li fid-dinja hawn wisq inġustizzji u jħossuhom f’obbliġu biex jagħmlu att żgħir li jista’ jtaffi xi forma ta’ tbatija.

Tkellimna wkoll ma’ Nancy Camilleri li hi l-kordinatriċi ta’ Missio Tfal li semmiet għalxiex se jintużaw il-fondi miġbura mill-istudenti tal-iskejjel u ta’ matul il-maratona, fosthom biex jinxtraw roti ħalli l-foqra jkunu jistgħu jivjaġġaw, biex isiru boreholes, għall-irżiezet u għal bini ta’ skejjel żgħar fost proġetti oħra.

Taw is-sehem tagħhom għall-Maratona MISSIO anke studenti tal-MCAST u tal-Junior College.