Internazzjonali

Tikber il-kriżi bejn l-Ewropa u t-Turkija

Numru ta’ mexxejja Ewropej ikkritikaw lit-Turkija fost kwistjoni taħraq dovuta għall-attentati tal-Gvern Tork biex jorganizza d-dimostrazzjonijiet favur il-President tat-Turkija fl-ibliet tal-Ewropa.

It-tilwima diplomatika ħraxet wara li l-President Tork, Recep Tayyip Erdogan, akkuża lill-Olanda u l-Ġermanja dwar ‘atteġġjament Nażista’ meta l-pajjiżi inkwistjoni ma tawx il-permess tagħhom biex isiru rallies għat-Torok residenti f’arthom.

Intant, Erdogan, issa, qed jhedded ritaljazzjoni waqt li l-Olanda wissiet liċ-ċittadini tagħha biex ma jivvjaġġawx lejn it-Turkija.

Il-Prim Ministru Olandiż, Mark Rutte, diġà fisser il-kummenti ta’ Erdogan bħala inaċċettabbli, waqt li l-Gvern Ġermaniż, issa, awgura li t-Turkija ‘tibda tirraġuna aktar fil-kwistjoni.’ Dan waqt li mexxejja Ewropej oħrajn ħeġġew biex in-naħat involuti juru l-kalma ħalli s-sitwazzjoni ma taqlibx għall-agħar.

Fi żviluppi oħra, il-President tad-Danimarka, Lars Lokke Rasmussen, iddeċieda li jipposponi laqgħa mal-Prim Ministru Tork, Binali Yildirim, filwaqt li tenna l-inkwiet tiegħu li l-prinċipji demokratiċi fit-Turkija jinsabu taħt pressjoni kbira.

Ir-rallies li trid torganizza t-Tmexxija Torka fl-Ewropa għandhom il-ħsieb li jinkoraġġixxu lill-għexieren tal-eluf tat-Torok residenti f’diversi pajjiżi Ewropej biex jivvutaw ‘iva’ fir-referendum li jmiss dwar jekk il-poteri tal-President Erdogan għandhomx ikunu estiżi.

Intant, ir-rallies partikulari li kienu ppjanati fil-Ġermanja, l-Awstrija u l-Olanda ma sarux wara li l-uffiċjali semmew tħassib dwar is-sigurtà. Madankollu, waħda mil-laqgħat għat-Torok saret ‘xorta’ fi Franza wara li l-uffiċjali lokali qalu li din ma kenitx ta’ theddida.

Ir-relazzjonijiet bejn it-Turkija u l-Olanda daħlu f’din il-kriżi meta, fi tmiem il-ġimgħa, żewġ Ministri Torok ma tħallewx jindirizzaw lid-dimostrazzjonijiet organizzati għat-Torok residenti fil-belt Olandiża ta’ Rotterdam.

Sadanittant, xi Ministri Ġermaniżi wkoll ħarrxu r-retorika kontra t-Turkija, bil-Ministru għall-Intern tal-Ġermanja, Thomas de Maiziere, jgħid li ‘it-Torok mgħandhomx id-dritt li jorganizzaw il-kampanji politiċi tagħhom fl-artijiet Ġermaniżi’.