Futbol Sport

Tispiċċa l-ewwel fażi b’Mosta fuq quddiem

Mosta Shaggy Pub spiċċaw l-ewwel fażi fl-ewwel post

Il-ġimgħa li għaddiet, intemmet l-ewwel fażi tal-kampjonat MSVLife bi tliet partiti, filwaqt li din il-ġimgħa tibda t-tieni fażi. It-timijiet se jinqasmu bl-ewwel sitta jkunu fil-kampjonat Premier u l-aħħar sitta jilagħbu fil-kampjonat tal-ewwel diviżjoni, wara li ġie deċiż fl-aħħar laqgħa ġenerali.

Iż-żewġ kampjonati għandhom ikunu aktar bilanċjati u joffru partiti interessanti. Il-kampjonat Premier ifforma bit-timijiet ta’ Mosta Shaggy Pub, Dingli Desana, Wardija, Rabat Cavette, Marsa White Stars Barilla u Birkirkara Masters. It-timijiet tal-ewwel diviżjoni se jkunu Valletta Masters, Żabbar St. Patrick, Melita Celtics, Jival, Żurrieq Wolves u Tal-Qroqq Versity.

Mosta Shaggy Pub żammew l-ewwel post meta għelbu lil Tal-Qroqq 11-3. Għalihom spikkaw Ibrahimo Tarik u Cedric Sciberras li skorjaw poker kull wieħed filwaqt li l-versatili Jeffrey Chetcuti skorja tripletta. Tal-Qroqq pruvaw u kellhom xi movimenti tajbin, iżda naqsu li jsarrfu dawk l-okkażjonijiet f’gowls.

David Grima skorjaw gowl brillanti filwaqt li s-solitu Carlos Camenzuli skorja wkoll. Il-plejers ta’ Tal-Qroqq għandhom l-ammirazzjoni ta’ ħafna hekk kif minkejja li huma inferjuri, jibqgħu jippruvaw sal-aħħar filwaqt li juru sportività u ħbiberija mill-aqwa.

Marsa White Stars Barilla għelbu lil Birkirkara Masters 12-7 wara li sal-ewwel taqsima kienu 6-3 minn fuq. Marsa għandhom tim interessanti u qed juru progress ma’ kull logħba.

James Galea kien bħas-soltu l-aktar perikoluż, awtur ukoll ta’ poker, iżda l-aħjar plejer tal-logħba kien Kurt Formosa, plejer utli ħafna u joħloq ħafna opportunitajiet għal sħabu fit-tim, minbarra li skorja ħames gowls.

Birkirkara ma kinux bl-aħjar tim u sal-ewwel taqsima kellhom jitħarbtu biex iżommu l-iskor baxx. Fit-tieni taqsima għamlu progress iżda xorta ma setgħux lill-avversarji li komplew jiskorjaw. Kien hemm mument meta resqu viċin, iżda imbagħad Marsa skorjaw ħames gowls u konsekuttivi u għalqu l-logħba.

Żabbar St. Patrick kellhom rebħa diffiċli meta għelbu lil Rabat Cavette 7-5, f’logħba interessanti bl-iskor finali jibqa’ indeċiż sal-aħħar. Żabbar kellhom waħda mill-aħjar partiti, b’Gilbert Scerri ikun l-aħjar plejer tagħhom u tal-logħba, b’total ta’ ħames gowls skorjati filwaqt li ħoloq bosta okkażjonijiet.

Rabat ma kinux fl-aħjar tagħhom. Chris Muscat kien tajjeb iżda beda jżomm wisq il-ballun. Fit-tieni taqsima, huma ħolqu diversi opportunitajiet, iżda naqsu li jikkonkludu fil-lasta, minbarra li sabu lill-gowlkiper Mauro Valastro jċaħħadhom bosta drabi.

Riżultati

Mosta v Tal-Qroqq      11-3

 

Marsa v Birkirkara      12-7

Rabat v Żabbar            5-7

 

Klassifika

Mosta 28 punt, Dingli 25 punt, Wardija 23 punt, Rabat 23 punt, Marsa 22 punt, Birkirkara 17-il punt, Valletta 15-il punt, Żabbar 13-il punt, Jival 9 punti, Melita 6 punti, Żurrieq 5 punti, Tal-Qroqq 3 punti