BLOGS

Bla triq u bla mappa

Alfred Mangion

F’Mejju 2010 meta kien għad fadal kważi tliet snin għall-elezzjoni ġenerali, Joseph Muscat ħabbar diversi miżuri u wiegħed li, jekk il-partit tiegħu jingħata l-fiduċja tal-poplu fl-elezzjoni, Gvern Laburista kien jimplimentahom. L-elezzjoni ġenerali bdiet toqrob u l-Labour ħabbar u ppubblika l-manifest elettorali. Fil-manifest kien hemm artiklu sħiħ li jitkellem dwar miżuri favur id-demokrazija u t-trasparenza; fosthom żewġ sub-artikli, wieħed taħt it-titlu “Politika Nadifa” u ieħor “Niġġieldu l-Korruzzjoni”.

Politika ta’ ingann

Bħalma ġara b’ħafna wegħdi li għamel Muscat qabel l-elezzjoni, jirriżulta li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-indafa politika waqgħu fil-bir tas-skieken. Jidher li Muscat injora kliem Duminku Mintoff li fl-1976 qal “Il-Partit irid jibża’ mill-korruzzjoni aktar milli jibża’ mill-għedewwa tiegħu għax il-korruzzjoni tmermer il-partit minn ġewwa”.

“Ma ksirniex lanqas wegħda waħda, waħda li hi waħda. Ħa nkomplu għaddejjin u nibqgħu ma niksrux wegħda waħda li hi waħda. Iġġudikawna; tridu tiġġudikawna dwar dak li għamilna fl-ewwel sena, iġġudikawna ma niddejqux”. Hekk qal Joseph Muscat wara ftit aktar minn sena li kien ilu jmexxi Gvern Laburista. Qal ukoll f’intervista li kellu fuq l-istazzjon nazzjonali li hu jżomm kelmtu.

Muscat ma jistmax l-intelliġenza tal-poplu – jaħseb li l-poplu Malti beċċun jew ġifa. Wara numru ta’ wegħdi miksura, il-poplu m’għadux jemmnu. Inkredibbli kif Muscat ma jistħix jgħid li ma kiser l-ebda wegħda. Muscat irnexxielu jidħak bil-poplu ftit aktar minn erba’ snin ilu, iżda l-poplu issa jaf x’ifissru l-wegħdi u l-kliem fieragħ tiegħu. Lil Muscat il-poplu drah. Muscat jgħid dak li jaħseb li dawk li jkun hemm quddiemu jkunu jridu jisimgħu biex jaqla’ ftit ċapċip u mhux dak li verament ikun jemmen fih.

Għaddew erba’ snin minn meta Muscat laħaq l-għan tiegħu u daħal Kastilja bħala Prim Ministru – snin ta’ Gvern Laburista dominati minn skandlu wara l-ieħor b’riħa tinten ta’ korruzzjoni. Skandli mifruxa saħansitra f’Kastilja stess.

Il-lista ta’ dawn l-iskandli hi twila wisq. Fuq quddiem insibu l-każ tal-Cafè Premier fejn miljuni ta’ ewro ngħataw lil persuni biex il-Gvern ħa propjetà li kienet tiegħu u l-każ ta’ Gaffarena li ngħata tliet miljun u nofs ewro fi flus u artijiet għal propjetà esproprjata fi Triq Zekka li żgur ma ddeċidiex Michael Falzon waħdu dwarha – infatti Falzon stess jgħid li kien qed iġorr is-salib ta’ ħaddieħor iżda qatt ma qal ta’ min kien is-salib.

Tisbaħ ġurnata ġdida u l-poplu jistenna xi skandlu ġdid. Ix-xibka kompliet tikkomplika ruħha 13-il xahar ilu meta ħareġ l-iskandlu internazzjonali tal-Panama Papers, fejn ġie żvelat li l-Ministru Konrad Mizzi u Keith Schembri, iċ-Chief of Staff ta’ Muscat f’Kastilja, għandhom attivitajiet finanzjarji sigrieti fil-Panama u f’postijiet oħra. Hemm ukoll xi ħadd ieħor bħalhom iżda għadna ma nafux min hu. Skandlu li għadu għaddej u li Muscat m’għamel kważi xejn dwaru, apparti li baqa’ jiddefendihom. Skandlu mażżra ma’ għonq Muscat!

Nuqqas ta’ trasparenza

Il-Manifest elettorali Laburista kellu parti dedikata għat-trasparenza u l-kontabbiltà, iżda għall-gvern ta’ Muscat la teżisti trasparenza u lanqas kontabbiltà. Għaddew erba’ snin li kienu karatterizzati min-numru ta’ ftehim li baqgħu moħbija minkejja diversi talbiet għalihom. Kien intqal li se jkunu ppubblikati sal-aħħar tas-sena li għaddiet. Dan ma seħħx. Għaliex dan id-dewmien u dan il-ħabi kollu? Il-ħabi jqajjem is-suspetti.

Gvern Laburista mmexxi minn Joseph Muscat li tant wiegħed trasparenza u kontabbiltà, mill-ewwel beda b’kuntatti immedjati mal-Ażerbajġan, li hu dikjarat bħala wieħed mill-aktar pajjiżi korrotti fid-dinja.

Muscat – akkumpanjat minn Konrad Mizzi u Keith Schembri – marru għal żjara fl-Ażerbajġan bil-moħbi ta’ kulħadd u mingħajr ma kienu akkumpanjati minn xi uffiċjal governattiv.

Fl-aħħar ġranet kemm il-President tal-Kamra tal-Kummerċ kif ukoll il-President tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem ikkritikaw bil-qawwi n-nuqqas tat-trasparenza u n-nuqqas ta’ governanza tajba. Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ qal li n-nuqqas ta’ trasparenza qed jinkwieta lill-komunità kummerċjali.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem qal li t-telf ta’ għaxar pożizzjonijiet f’sena waħda fl-indiċi tal-korruzzjoni ta’ Transparency International mhux indikatur ta’ governanza tajba u dan mhux ta’ inkoraġġiment għal investiment lokali jew barrani.

Għall-iskandli jħallas il-poplu

Għal dawn l-iskandli u n-nuqqasijiet qed iħallas il-poplu. Dan il-Gvern erba’ snin ilu sab industriji tajbin u flus ġejjin mill-Ewropa. Il-flus mill-Ewropa waħedhom huma l-biċċa l-kbira tat-tkabbir ekonomiku li qed ikollna u li l-Gvern ta’ Muscat jiftaħar bihom.

L-industriji tajbin li wiret dan il-Gvern – bħall-avjazzjoni, is-servizzi finanzjarji, l-informatika u l-gaming – huma l-muturi tat-tkabbir ekonomiku tagħna; dan grazzi għall-ħidma tal-gvern preċedenti mmexxi b’tant għaqal mill-Partit Nazzjonalista.

Dan il-Gvern mill-bidu nett kien Gvern tal-qalba li qed jaħtfu kulma jistgħu huma biss. Mijiet tal-qalba ddaħħlu f’positions of trust fejn qed jitħallsu ammonti kbar, uħud b’salarji li jitilgħu sa elf ewro fil-ġimgħa, apparti l-karozzi, il-fuels u l-mobiles b’xejn.

Ħafna ħaddiema lanqas biss jaraw elf ewro fix-xahar, aħseb u ara kemm jaraw elf ewro fil-ġimgħa. Il-ħaddiema u l-anzjani qed ibatu għafsa fuq il-pagi u l-pensjonijiet tagħhom filwaqt li mit-taxxi tagħhom jitħallsu l-ħniżrijiet u l-oxxenitajiet.

Min mejjet fis-sakra u min mejjet għal qatra. Addio d-dikjarazzjonijiet ta’ Muscat li jżomm kelmtu.