Is-sewwieq tal-McLaren Fernando Alonso hu fiduċjuż li t-tim se jkun solva l-problemi qabel l-ewwel tellieqa tal-istaġun li se ssir fil-belt ta’ Melbourne fl-Awstralja nhar is-26 ta’ Marzu li ġej.
Għal dawn l-aħħar ġimgħatejn il-McLaren kellhom problemi kbar waqt it-testing tal-preseason u dan kompla tefa’ dubji kbar dwar kemm il-McLaren, din is-sena, se jkunu kapaċi jiksbu post fuq il-podju, xi ħaġa li ilhom ma jiksbu tliet snin.
Fl-2015 huma kienu anke ngħaqdu mal-Honda imma l-affarijiet xorta waħda ma marrux ‘il quddiem.
Wara ġimgħa ta’ provi fejn il-karozza l-ġdida ma tantx impressjonat, kollox kompla ġej ħażin fl-aħħar erbat ijiem ta’ provi hekk kif kemm Alonso u sieħbu Stoffel Vandoorne bdew isibuha diffiċli biex jirreġistraw ħinijiet tajbin. Fuq spazju ta’ ġimgħatejn Alonso għamel biss 109 dawriet u Stoffel Vandoorne għamel 235 dawra. Jekk wieħed jagħti ħarsa lejn l-istatistika jinnota li l-McLaren, b’kollox għamlu 425 dawra filwaqt li l-Mercedes għamlu 1096.
Kważi ġimgħa u nofs qabel l-ewwel Grand Prix tas-sena, Alonso qal dan dwar dak kollu li seħħ s’issa, “Kien diżappuntanti li temmejna l-provi b’dan il-mod daqstant negattiv. Kont qed nemmen li solvejna l-problemi għax l-ewwel dawriet kont qed inħossni tajjeb fil-karozza sakemm reġa’ seħħ l-istess. Hu ċar il-fatt li għandna ħafna x’naħdmu biex inkunu lesti għall-ewwel tellieqa. Naf li l-istaff qed jagħmel minn kollox u meta nara x-xogħol li qed insir nibqa’ xorta waħda fiduċjuż li se nkunu solvejna l-problemi sa meta niġu biex intellqu fl-Awstralja,” qal Alonso.
//= $special ?>