Lokali Qorti

Eks Prostituta tevita l-ħabs minħabba uliedha

Mara ta’ 32 sena mill-Marsa li minħabba d-droga spiċċat tipprostitwixxi ruħha evitat li tmur il-Ħabs wara li mħallef sema kif hija bidlet ħajjitha, ħarġet mill-vizzju u għandha relazzjoni stabbli b’żewġt itfal.

Il-mara kienet ġiet ikkundannata tliet snin ħabs mill-Maġistrat Marseann Farrugia wara li fis-27 ta’ Mejju 2015 instabet ħatja li fit-8 ta’ Settembru 2007 rrikattaw klijent.

Mill-provi kontriha rriżulta li dakinhar hija u l-klijent kellhom x’jaqsmu f’karozza fil-Marsa u x’ħin lestew hija qaltlu li l-kondom kien tqatta. Hija infurmatu li kienet se ċċempel lir-raġel tagħha, u spiċċa mhedded bi swat fejn anke kellu jmur jiġbed il-flus minn ATM.

Il-klijent baqa’ jintalab il-flus biex hija tkun tista’ tagħmel abort u biex tikkura lilha nnifisha minn infezzjoni fil-bużżieqa tal-urina fejn b’kollox spiċċa tahom mal-€2,400. Il-każ spiċċa għand il-Pulizija wara li l-klijent fetaħ qalbu ma’ missieru u li hi kienet ikkundannata tliet snin ħabs hija appellat.

Il-mara appellat mis-sentenza ta’ tliet snin ħabs bl-Imħallef Antonio Mizzi qal li mindu seħħ il-każ għal-lum għaddew tmien snin u matulhom il-mara rriformat ruħha. Huwa qal li jekk tintbagħat il-Ħabs l-iktar li kienu se jbatu kienu ż-żewġt uliedha li għadhom żgħar u saħaq li sentenza ta’ priġunerija effettiva ma kinietx ideali.
Kien għalhekk li minflok tliet snin ħabs ikkundannaha sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.

Il-każ kien investigat mill-Ispettur Louise Calleja li mexxiet ukoll il-prosekuzzjoni fil-konfront tal-mara.