Lokali

FILMAT: Jidħaq u jirkeb fil-karozza meta nsaqsuh jekk il-PL gidibx dwar “reġistrazzjoni proviżorja”

Minn meta daħlet fis-seħħ il-liġi tal-finanzjament tal-partiti, il-Partit Laburista kellu ċans darbtejn ibiddel l-istatut biex ma jibqax jikser il-liġi

Id-Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona daħaq u tana daru meta staqsejnih jekk uffiċjali Laburisti gidbux dwar dik li ssejjħet “reġistrazzjoni proviżorja” tal-Partit Laburista. “Kien hemm tentattiv biex issir reġistrazzjoni proviżjonali” qal Chris Cardona fil-kummenti tiegħu ma’ NET News biex jiġġustifika għaliex il-Partit Laburista għadu se jbiddel l-istatut tiegħu biex ma jibqax jikser il-liġi.

Imma fis-6 ta’ Marzu li għadda, il-Ministru Edward Zammit Lewis u l-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Gino Cauchi ma tkellmux dwar “tentattiv” iżda kkonfermaw b’mod definittiv li l-Partit Laburista huwa rreġistrat mal-Kummissjoni Elettorali b’mod proviżorju, xi ħaġa li kienet imgiddba mill-Kummissjoni Elettorali stess ftit jiem wara.

Għall-kumment ta’ Chris Cardona, NET News ħa miegħu kopja tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti u tlabnih isibilna l-parti li titkellem dwar “reġistrazzjoni proviżorja”. Imma Chris Cardona ħarab mill-mistoqsija billi qal: “(Il-Partit Laburista) kien l-ewwel partit li tefa’ l-applikazzjoni biex jiġi rreġistrat”. Meta NET News fakkar lil Chris Cardona li l-uffiċjali Laburisti ikkonfermaw li l-Partit Laburista huwa rreġistrat b’mod proviżorju, id-Deputat Mexxej Laburista daħaq, tana daru u daħal fil-karozza ministerjali.

Il-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2016 permezz tal-Att XXIV tal-2015. Skont din il-liġi, partit politiku ma jkunx reġistrat jekk l-istatut tiegħu ma jkunx konformi mal-liġi. Sal-lum, l-istatut tal-Partit Laburista mhuwiex konformi mal-liġi u għaldaqstant, l-istess partit għadu ma ġiex irreġistrat mal-Kummissjoni Elettorali. Dan qed iwassal biex il-Partit Laburista jaħrab mill-obbligu li jippubblika lista ta’ donazzjonijiet li rċieva – kif għamlu l-partiti politiċi l-oħra kollha, fosthom il-Partit Nazzjonalista.

Minn meta daħlet fis-seħħ il-liġi tal-finanzjament tal-partiti, il-Partit Laburista kellu ċans darbtejn biex ibiddel l-istatut f’laqgħat ġenerali. L-ewwel laqgħa ġenerali saret fil-25 ta’ Frar 2016 fejn matulha kien elett Konrad Mizzi bħala Deputat Mexxej Laburista. It-tieni laqgħa ġenerali saret fil-11 ta’ Ġunju 2016 fejn matulha kien elett Chris Cardona bħala Deputat Mexxej wara li Konrad Mizzi kien sfurzat jirriżenja. Matul l-ebda minn dawn il-laqgħat ġenerali ma kien hemm sforz biex jinbidel l-istatut tal-Partit Laburista.

Il-karozza Ministerjali ta’ Chris Cardona