Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana, eletta fil-Parlament fuq Għawdex, ċaħdet li hija waħda minn żewġ politiċi tal-Gvern li ndaħlu f’każ ta’ traffikar ta’ droga f’Għawdex. Hi għamlet din iċ-ċaħda waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, li matulha fakkret li hemm inkjesta għaddejja. Madanakollu żiedet li “m’hemm l-ebda dubju li (m’għandha) l-ebda konnessjoni ma’ dan il-każ”. Hi diġa kienet qalet li mhijiex involuta, f’telefonata waqt il-programm fuq Radio 101 ‘Tagħna Lkoll’, preżentat minn David Thake.
Fl-istorja, żvelata mill-gazzetta Maltatoday, jiġi allegat li żewġ Ministri tal-Gvern ltaqgħu mal-ġenituri ta’ żewġ żagħażagħ li kienu nqabdu jitraffikaw id-droga f’laqgħa sigrieta billejl f’xi ġurnata f’Ottubru 2013. Skont l-istess gazzetta, għal din il-laqgħa sigrieta, wieħed mill-Ministri kien eskortat mill-Pulizija.
Ma’ NETnews.com.mt, Justyne Caruana qalet li bħalissa hemm inkjesta u li fuqha l-Gvern se jkun qed jaġixxi. Meta staqsejna jekk Justyne Caruana taħsibx li l-Ministru Anton Refalo kienx wieħed miż-żewġ politiċi li jissemmew, Caruana la ċaħdet u l-anqas ikkonfermat. “Issa jkun hemm l-inkjesta u kif issir taf int, insir naf jien” irrispondiet is-Segretarju Parlamentari Caruana għal din il-mistoqsija.
Fit-2 ta’ Marzu li għadda, il-Ministru Anton Refalo qal li hu mhux wieħed minn żewġ politiċi tal-Gvern li ndaħlu f’każ ta’ traffikar ta’ droga. Każ li kien wassal biex wara l-laqgħa sigrieta, żewġ żagħżagħ tħallew ibiddlu l-istatements tagħhom. “Jiena żgur m’hinix wieħed minnhom” kien qal Anton Refalo lil NETnews.com.mt.
Similarment, fis-7 ta’ Marzu li għadda, il-Ministru Manwel Mallia, mal-gazzetta Times of Malta, ċaħad li hu kien wieħed mill-Ministri involuti. Meta seħħet il-laqgħa sigrieta, Manwel Mallia kien il-Ministru responsabbli mill-Pulizija.
//= $special ?>