Lokali

FILMAT: Ma jippubblikax l-invoices għal attivitajiet f’lukandi ta’ db Group

Il-Ministru Chris Fearne ma kkommettiex ruħu li jippubblika l-invoices għall-attivitajiet politiċi li se jorganizza f’waħda mil-lukandi ta’ db group fil-jiem li ġejjin. Fost attivitajiet oħra, Chris Fearne se jorganizza żewġ ‘buffet breakfasts’ l-Erbgħa 15 ta’ Marzu u l-Ħamis 16 ta’ Marzu.

Filwaqt li pponta subajgħ lejn il-Partit Nazzjonalista minħabba pubblikazzjoni ta’ invoices, waqt konferenza tal-aħbarijiet Chris Fearne naqas milli jikkommetti ruħu li jippubblika l-invoices tiegħu.

“Dan huwa servizz li ħadt jien, u ħadu l-kostitwenti tiegħu, u ħallast għalih” wieġeb il-Ministru meta mistoqsi dwar l-attivitajiet politiċi ta’ għada u pitgħada. Madanakollu, żied li għal dawn iż-żewġ attivitajiet li ġejjin, il-ħlas se jsir wara li jsiru l-attivitajiet. Mistoqsi wkoll biex jippubblika l-invoices ladarba jsir il-ħlas, Chris Fearne ma kkommettiex ruħu li jagħmel dan.

Chris Fearne mhuwiex l-uniku Ministru tal-Gvern li organizza jew se jorganizza f’xi waħda mil-lukandi tad-db Group fl-istess żmien kienu qed isiru negozjati mal-grupp db biex il-Gvern jgħaddi art imprezzabbli għall-prezz baxx ta’ €15-il miljun. Ilbieraħ, NET News staqsa lill-Ministru Edward Zammit Lewis jekk hux se jippubblika l-invoices ta’ attività li saret fis-6 ta’ Diċembru 2015 f’waħda mil-lukandi tad-db, bil-Ministru Zammit Lewis jinfexx f’attakk fuq il-ġurnalist ta’ NET News minflok jirrispondi l-mistoqsija.