Internazzjonali

Franza: Fillon jitqiegħed taħt investigazzjoni formali

Francois Fillon

 

Francois Fillon, eks Prim Ministru ta’ Franza u kandidat tal-Partit Repubblikan għall-Presidenza, tqiegħed taħt investigazzjoni formali b’konnessjoni ma’ allegazzjonijiet li hu ħallas lil martu u uliedu għal xogħol tal-Istat ‘li x’aktarx ma twettaq qatt’.

L-investigazzjoni qed tibbaża fuq l-allegazzjonijiet li intużaw fondi pubbliċi għal skop qarrieqi. Dan meta Fillon hu suspettat li ħallas il-mijiet tal-eluf ta’ ewro lill-membri ta’ familtu ‘għal xogħol li huma setgħu ma għamlux’.

Il-kandidatura ta’ Fillon, politiku taċ-ċentru-lemin, kienet ilha suġġetta għal spekulazzjoni mindu feġġ dan l-iskandlu u meta Fillon, sa ftit ilu, kien għadu qed jittama li jikkuntesta għall-Presidenza għan-nom tal-partit tiegħu.

Iżda minkejja l-appelli tiegħu lis-sostenituri biex huma ‘jemmnu fih’, fl-aħħar ġimgħat spiċċaw jabbandunawh numru ta’ alleati. Dan fost rapporti li uffiċjali tal-Partit Repubblikan riedu li jipproponu kandidat alternattiv għal Fillon.

Francois Fillon, sa ftit ilu, kien il-favorit li jirbaħ l-elezzjonijiet ( ta’ April u Mejju) għall-Presidenza ta’ Franza u sallum kien għadu qed jiċħad dwar aġir illegali. Madankollu, hu diġà kien qal li għandu jwarrab mit-tellieqa għall-Presidenza ‘f’każ fejn jispiċċa taħt investigazzjoni’.