Internazzjonali

Il-projbizzjoni tal-velu fil-post tax-xogħol hi legali

Kontroversja ġdida dwar il-velu
Il-projbizzjoni għandha tiġi instigata biss minn regoli interni tal-kumpanija

Deċiżjoni storika mogħtija mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tikkonferma li post tax-xogħol fl-UE għandu dritt jiprojbixxi l-velu tal-Musulmani. Dan tħabbar dalgħodu, u d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tista’ toħloq kontroversja ġdida.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti qalet li min iħaddem għandu dritt jiprojbixxi lill-impjegati tiegħu milli jilbsu kwalunkwe sinjal viżibbli li jkollu sinifikat “politiku, filosofiku jew reliġjuż”, inkluż il-velu tal-Musulmani.

“L-impjegati kollha għandhom jilbsu b’mod newtrali”, qalet il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Apparti minn hekk, ġie konfermat li l-policy tal-kumpanija għandha tkun waħda interna u mhux ibbażata fuq ilmenti ta’ xi klijent.

Il-kodiċi ta’ ilbies “newtrali” fuq il-post tax-xogħol ifisser illi lanqas salib tal-insara ma jista’ jintlibes (kemm-il darba min iħaddem jiddeċiedi hekk), u lanqas it-turban tal-Ħindu jew il-kippah tal-Lhud.