Lokali

Il-UĦM tordna azzjonijiet industrijali fl-Awtoritá tax-Xandir

Josef Vella, Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers jindirizza konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-Awtoritá tax-Xandir
Uffiċjali tal-Awtorità tax-xandir qalu li issa iddejqu minn Tanya Borg Cardona u rrakkontaw episodji ta’ bullying, insulti u abbuż

Waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-bini tal-Awtorità tax-Xandir fil-Ħamrun li għaliha kienu preżenti l-ħaddiema tal-Awtorità, Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers ħabbar li b’effett immedjat daħlu fis-seħħ numru ta’ azzjonijiet industrijali għall-ħaddiema tal-Awtorità tax-Xandir. Dan minħabba l-atteġġjament arroganti ta’ bullying, insulti u abbuż kontra dawn il-ħaddiema miċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir, Tanya Borg Cardona.

Il-UĦM Voice of the Workers li tirrappreżenta lill-ħaddiema tal-Awtorità tax-Xandir qalet li l-atteġġjament ta’ Borg Cardona ma kienet aċċettabbli fl-ebda post tax-xogħol. Joseph Vella fakkar li l-union diġa’ wissiet lill-Prim Ministru dwar dak li hu għaddej fl-Awtorità u kull ma rċevew kien biss acknowledgement. Issa s-sitwazzjoni taċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir mhix aktar tenibbli u għandha tirriżenja, sostna Josef Vella.

Tanya Borg Cardona, iċ-Chairperson tal-Awtorita’ tax-Xandir

Fost l-azzjonijiet industrijalui hemm li l-ħaddiema ma jirrispondux emails u telefonati: ma jipproċessawx ħidma fuq xogħol ta’ monitoraġġ fuq ġrajjiet kurrenti u aħbarijiet u ma jipproċessawx pagamenti ħlief il-pagi tal-ħaddiema tal-Awtorità. Direttivi oħra huma li ma jsirux recordings għal barra; ma jsirux uploads tal-minuti scanned u x-xufier isir biss karozzi tal-Awtorità.

Il-Prim Ministru ma jistax jibqa’ jaħrab: il-ħaddiema jistennew azzjoni – PN

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija rrefer għall-azzjonijiet industrijali li sejħet il-UHM-Voice of the Workers għall-ħaddiema tal-Awtorità tax-Xandir fid-dawl tal-intimidazzjoni u bullying miċ-Chairperson tal-istess Awtorità.

Il-Partit Nazzjonalista fl-istqarrija jesprimi d-dispjaċir tiegħu għall-fatt li s-sitwazzjoni tant iddeġenerat li l-ħaddiema ma kellhom ebda triq oħra ħlief li jirrikorru għall-azzjonijiet industrijali. Is-sitwazzjoni fl-Awtorità tax-Xandir ma bdietx sejra ħażin fl-aħħar jiem, iżda ilha sejra għall-agħar minn meta l-Prim Ministru ħatar lil Tanya Borg Cardona bħala Chairperson tal-Awtorità. Il-Partit Nazzjonalista hu t-tarka tal-ħaddiema u se jibqa’ jiddefendihom sakemm issir ġustizzja magħhom.

Muscat ilu li ġie mwissi dwar is-sitwazzjoni ħażina fl-Awtorità, tant li ftit tal-ġimgħat ilu, rċieva wkoll ittra mill-ħaddiema kollha tal-Awtorità li fiha spjegaw is-sitwazzjoni li qed ikollhom jiffaċċjaw ta’ kuljum: dik ta’ intimidazzjoni, insulti u abbużi miċ-Chairperson tal-Awtorità. Muscat, iżda, għażel li ma jagħmel xejn u ħalla lill-ħaddiema għal rieħhom.

Dan hu aġir ta’ Prim Ministru li jiġi jaqa’ u jqum minn min hu żgħir, mill-ħaddiem – iżda jagħżel lill-ftit ta’ madwaru li poġġihom f’karigi għolja biex ikollu l-ħtif assolut tal-istituzzjonijiet kif ukoll biex dawk viċin tiegħu jagħmlu l-eluf ta’ ewro minn fuq dahar il-poplu Malti u Għawdxi.

Il-Partit Nazzjonalista jirrijafferma li tilef kull fiduċja fiċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir tant li m’għadux jipprotesta quddiem din l-Awtorità, u dan minkejja ħniżrijiet oxxeni li qed ikun hemm ta’ kuljum fuq l-istazzjon nazzjonali.

Il-Prim Ministru ma jistax jibqa’ jaħrab mill-emergency exit. Il-ħaddiema jistennewh li jaġixxi.