BLOGS

L-għoli tal-ħajja jirranka

L-għoli tal-ħajja qed jirranka fl-aktar affarijiet essenzjali. Konferma ta’ kemm il-korruzzjoni tolqot il-but ta’ kulħadd hi r-rata uffiċjali tal-għoli tal-ħajja li fl-aħħar xahar għamlet qabża qawwija ’l fuq għall-ogħla livell f’erba’ snin.

Din l-ogħla rata tal-għoli tal-ħajja f’erba’ snin hi misjuqa mit-taxxi moħbijin ta’ Joseph Muscat, fosthom it-taxxa ġdida fuq il-petrol u d-diesel, meta l-prezz taż-żejt hu biss in-nofs minn kemm kien meta tela’ Joseph Muscat: taxxa tal-korruzzjoni.

Agħar minn hekk, l-għoli tal-ħajja qed iseħħ l-aktar fil-prezzijiet tal-aktar affarijiet essenzjali u li huma l-parti l-kbira tan-nefqa tal-familji bi dħul medju u baxx. L-aktar, l-ikel, li fis-sena sa Jannar il-Gvern stess qed jgħid li għola b’rata qawwija ta’ 5.6%. Dan hu l-għoli tal-ħajja li qed jiffaċċjaw dawk bi dħul medju u baxx, għax il-parti l-kbira tan-nefqa tagħhom hi fuq l-ikel: għoli tal-ħajja ta’ kważi sitta fil-mija, u mhux il-€1.75 – jiġifieri 1 fil-mija biss – li ta l-Gvern. U dejjem nafu li dawn iċ-ċifri tal-Gvern mhumiex reali, kif sabet il-Caritas.

Fl-istudju tagħha dwar il-faqar jiżdied, il-Caritas sabet li r-rata vera tal-għoli tal-ħajja hi erba’ darbiet kemm jgħid il-Gvern.

Kumpens!

L-uniku wieħed li jemmen dak li jgħid il-Gvern hu Konrad Mizzi li, meta kien inqata’ d-dawl għal ġranet sħaħ f’ċerti nħawi, kien ta kumpens ta’ 25 ewro u kien qal li 25 ewro huma ħafna għax huma daqs nefqa ta’ ġimgħa għand tal-grocer. Jidher ċar li Konrad Mizzi la kien imur jixtri dakinhar u wisq anqas issa. U l-mara tiegħu, mhux bil-€1.75 żdiedet imma ħatfet €13,000 fix-xahar, skandlu kbir fih innifsu.

Dan hu x’qed imexxi l-pajjiż illum: il-korruzzjoni mqar fil-ħsieb ta’ min qatt ma jmur jixtri għax lil martu jixtrilha kollox il-Gvern, kif jgħid il-kuntratt tagħha, apparti l-miljuni li żewġha ried jaħbi fil-kontijiet u l-kumpaniji sigrieti.

Waqt li l-familji bi dħul medju u baxx qed ibatu l-għafsa fuq il-pagi bl-agħar żidiet fi 30 sena, qed jiffaċċjaw għoli tal-ħajja li anke biċ-ċifri xejn realistiċi tal-Gvern, hu ferm u ferm aktar miż-żieda miżera li ta Joseph Muscat. U dan qabel it-taxxi ġodda li Joseph Muscat qed jaħbi fil-prezzijiet ta’ ħafna prodotti tal-ħasil u, speċjalment, fil-prezzijiet tal-petrol u d-diesel.

Kumpaniji sigrieti

Imma l-aqwa l-kumpaniji sigrieti li fil-Panama li seħibhom BT, bi skrinavija ħdejn Joseph Muscat f’Kastilja, fetaħ l-għada li ħadu l-ġurament: Hearnville, Tilgate u Egrant. Ghax ilbierah habat anniversarju. Erba’ snin ilu bħal bierah: il-ġurament; l-għada, il-kumpaniji sigrieti.

Fit-13 ta’ Marzu 2013, il-Ministri ta’ Joseph Muscat ħalfu l-ġurament tal-kariga tagħhom u ta’ lealtà lejn il-poplu Malti. Fosthom kien hemm l-aktar Ministru importanti fil-pjan ta’ Joseph Muscat. Konrad Mizzi, bħal Joseph Muscat qablu, ħalef li jkun leali lejn Malta u lejn il-poplu Malti; li jkun leali lejn il-Kostituzzjoni ta’ Malta u lejn il-liġijiet tagħna.

Imma ma laħqux għaddew 24 siegħa mill-ġurament, li sieħeb Joseph Muscat, Brian Tonna, permezz tal-imsieħeb tiegħu f’Nexia BT, Karl Cini, bagħat email lill-kumpanija korrotta fil-Panama Mossack Fonseca, jgħidilhom biex jiftaħ tliet kumpaniji sigrieti.

Korruzzjoni kbira

It-tliet kumpaniji sigrieti miftuħin l-għada tal-ġurament kienu:

1. l-ewwel waħda għall-id ix-xellugija tal-Prim Ministru f’Kastilja Konrad Mizzi;

2. it-tieni waħda għall-id il-leminija ta’ Joseph Muscat f’Kastilja u fuq ħafna żmien qabel, Keith Schembri;

3. u t-tliet waħda għal xi ħadd tant importanti li ismu ma setax jgħaddihulhom bil-miktub imma biss bil-fomm permezz ta’ telefonata fuq Skype. Nafu żgur li t-tielet kumpanija mhijiex ta’ Brian Tonna, għax qed iddikjara fl-istess email.

Erba’ snin ilu bħal-lum bdiet titwettaq korruzzjoni kbira fil-qalba tal-Gvern ta’ Malta, immexxi minn dakinhar minn Joseph Muscat. Li Ministru jkollu kumpanija sigrieta minn ħafna żmien qabel, fi Franza għadu kemm kien kastigat bi tliet snin ħabs. Imma Konrad Mizzi f’Malta jiftaħ kumpanija sigrieta l-għada tal-ġurament għal miljuni li ma jistax jispjega minn fejn ġejjin.

Dan hu r-raba’ anniversarju tal-ġurament u tal-ftuħ tal-kumpaniji sigrieti l-għada: il-korruzzjoni bla preċedent li ġab f’pajjiżna Joseph Muscat.