L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fi stqarrija qed javża lill-passiġġieri li, fil-ġimgħat li ġejjin, il-proċessi taċ-check-in u tal-iskrining tas-sigurtà jistgħu jieħdu aktar ħin, hekk kif il-proġett ta’ rikonfigurazzjoni tal-ajruport ser jidħol f’fażi ġdida. Għadaqstant l-amministrazzjoni tal-ajruport qed titlob biex il-pissiġġieri jaslu kmieni, tal-anqas sagħtejn u nofs qabel il-ħin tat-tluq tat-titjira tagħhom, sabiex ikollhom biżżejjed ħin biex jagħmlu ċ-check-in u jgħaddu miż-żona tas-sigurtà, minkejja li l-kjuwijiet f’dawn iż-żewġ punti jistgħu jkunu itwal mis-soltu.
Ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett, li nbdew f’Settembru, issa ser ikunu qed isiru fiż-żoni li jintużaw l-aktar mill-passiġġieri fil-binja tat-terminal u huma mistennijin li jkollhom xi impatti sat-Tnejn 27 ta’ Marzu.
Is-CEO tal-MIA Alan Borg qal li “Il-proġett ta’ rikonfigurazzjoni tat-terminal, li ser itejjeb l-esperjenza tal-passiġġieri fl-MIA sinifikattivament, huwa miexi skont l-iskeda tax-xogħlijiet.”
“Għalkemm aħna ħadna kull miżura possibbli sabiex dawn ix-xogħlijiet ma jiskomodawx lill-passiġġieri, element ta’ inkonvenjent huwa, sfortunatament, inevitabbli.”
Il-proġett ta’ rikonfigurazzjoni tat-terminal, li jinkludi titjib fil-faċilitajiet, huwa mistenni li jitlesta is-sena ddieħla.
//= $special ?>